Delia: Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma raħsu xejn – One News

Notifiki

Delia: Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma raħsu xejn


Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għamel dikjarazzjoni surreali li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma raħsu xejn.

Delia qal: “Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma raħsu xejn.”

Dak li qal Delia jistona mal-aħħar statistika tal-Eurostat li turi li l-Maltin iħallsu r-raba’ l-orħos kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-Ewropa, u ma’ tagħrif fil-Parlament li juri li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl qed iħalli tmenin miljun ewro fil-but tal-Maltin u l-Għawdxin kull sena.

F’laqgħa politika f’Tas-Sliema, Delia qal li l-gvern tilef il-boxxa soċjali iżda fl-istess nifs attakka wkoll il-miżura tal-budget li tara persuni speċjalment żgħażagħ jirċievu għajnuna biex iħallsu l-10% kapparra meta jixtru proprjetà. Delia tenna: “Insellifkom id-deposit ukoll.”

Il-Kap Nazzjonalista attakka wkoll il-Gvern fuq l-ugwaljanza. Huwa sostna: “Għandna Gvern li jiftaħar, jiddandan, jgħajjat bl-ugwaljanza.”

Dan minkejja li statistiċi Ewropej fl-aħħar snin jikkonfermaw kull darba lil pajjiżna fil-quċċata tal-ugwaljanza mill-pajjiżi kollha Ewropej.

Din id-dikjarazzjoni saret ukoll ftit sigħat biss wara li l-gazzetta ta’ Delia attakkat żewġ nisa li ssieħbu fil-programm LEAD tal-Partit Laburista f’miżura biex tara numru ugwali ta’ nisa u irġiel fil-politika.

Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għadu bla pożizzjoni fuq il-liġi li qed tkun diskussa fil-Parlament dwar l-Ugwaljanza.

Delia reġa pprova jiġġustifika għaliex waqqa’ l-libelli l-għada li nqatlet Daphne Caruana Galizia. Il-Kap tal-Oppożizzjonijiet stqarr: “Ikun ifisser assalt fuq id-demokrazija.”

Dan minkejja li Delia kien qed jaffaċja allegazzjonijiet serji li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni.

Iktar qabel tkellem il-Viċi Kap Robert Arrigo li fi sfond ta’ ġimgħa oħra ta’ ġlied bejn il-fazzjonijiet ta’ Delia u Busuttil, appella għall-għaqda. Arrigo appella li “Jekk ħa nibqgħu bierda u ma nmorrux nivvutaw għall-elezzjonijiet u għall-Partit Nazzjonalista hekk ħa nibqgħu.”

B’reazzjoni l-Partit Laburista qal li l-Kap Nazzjonalista issa ntebaħ li waqqa’ l-ġebla fuq saqajh u mar Tas-Sliema biex jiġġustifika għaliex waqqa’ l-libelli li kien għamel wara li ffaċja akkużi mill-iktar serji.

Iżda, lanqas dwar dan mhu kredibbli sostna l-Partit Laburista. Għax m’hemm l-ebda skuża valida dwar għaliex ma marx jitlob inkjesta maġisterjali dwaru nnifsu.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li fil-fatt meta d-deputat Karol Aquilina iktar qabel ipprova jimmina l-inkjesti maġisterjali, kien qed ifakkar ukoll kif dwar kulħadd se toħroġ il-verità minbarra l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Dalgħodu, Adrian Delia reġa’ wera li mhux kredibbli. Minn meta qal li l-kontijiet ma raħsux għal meta attakka miżuri li jgħinu n-nies isiru sidien ta’ djarhom, Delia kien qed juri biss li nħakem għal kollox mill-estremisti fil-Partit Nazzjonalista temmet tgħid l-istqarrija

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend