Bil-filmat: Jgħoddha b’waħda wara li daħal f’arblu tad-dawl fil-Floriana – One News

Bil-filmat: Jgħoddha b’waħda wara li daħal f’arblu tad-dawl fil-Floriana


Sewwieq ta’ karozza tal-linja li kienet involuta f’inċident tat-traffiku kmieni l-Ħadd filgħodu fil-Floriana, ġie sospiż wara li ħarġu numru ta’ fatti fl-ewwel fażi tal-investigazzjoni.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu fi Triq Sant Anna, meta s-sewwieq ta’ tnejn u erbgħin sena, tilef il-kontroll tal-karozza tal-linja u baqa’ dieħel f’arblu tad-dawl.

Bid-daqqa, il-vettura laqtet diversi siġar tal-palm u qaċċtithom mill-għeruq.

Il-kumpanija Malta Public Transport qalet li ħadd ma ndarab fl-inċident, u li fuq ix-xarabank ma kienx hemm passiġġieri.

Żiedet li mill-ewwel skattat investigazzjoni interna, u rringrazzjat lill-awtoritajiet rispettivi għar-rispons immedjat tagħhom f’dan l-inċident.

Id-Direttur tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara spjega ma’ ONE News li 6 uffiċjali marru immedjatament fuq il-post biex għenu f’dak li kien hemm bżonn, fejn neħħew il-biċċiet tas-siġar imkissra u kull ħaġa oħra li setgħet kienet ta’ periklu għas-sewwieqa.

Deguara sostna: “Kien hemm erba’ palmiet li tlieta minnhom kellna nqattgħuhom, niddisponu minnhom, u l-oħra, wara kuntatti li kellna ma’ Ambjent Malta, ġie deċiż li tibqa’ fil-post għax jista’ jkun terġa’ titħawwel u tibqa’ hemmhekk stess.”

Għalkemm it-triq kellha tingħalaq għal xi ħin minħabba l-inċident, din reġġgħet infetħet għat-traffiku ftit wara.

Is-Sur Deguara temm jgħid: “Nista’ ngħid li f’ħin ta’ tletin minuta konna fuq il-post, u l-operazzjoni min-naħa tagħna ħadet madwar sagħtejn biex qattajna u naddafna t-triq u reġġgħet infetħet lura għan-normal.”

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Filmat: Edmund Mifsud

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend