ARA: Ġurnata ta’ attivitajiet sportivi f’Ħal Qormi – One News

Notifiki

ARA: Ġurnata ta’ attivitajiet sportivi f’Ħal Qormi


Tlett ijiem qabel ma jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tat-Tfal, il-Kunsill lokali ta’ Ħal Qormi tella’ attività bl-isem Dinja tat-Tfal fejn ġew organizzati numru ta’ attivitajiet għal tfal ta’ kull eta’ fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Farsina f’Belt Pinto.

Is-Sindku ta’ Ħal Qormi, Renald Falzon spjega: “L-intenzjoni tagħna hija li din l-attività tkun mdaħħla fil-kalendarju ta’ l-attivitajiet tal-kunsill biex tibqa’ ssir ta’ kull sena. Din tinkoraġġina biex nagħmlu attivitajiet simili għat-tfal.”

Attivitajiet bħal dawn jagħtu lok biex jiġi mfakkar il-logħob ta’ darna u ż-żmien ta’ meta t-tfal kienu jilagħbu fit-toroq Maltin. Fost l-attivitajiet li ttellgħu f’Ħal Qormi kien hemm logħob tal-futbol, basketball u tug of war.

L-entużjażmu tat-tfal ma naqasx; b’uħud semmew il-logħob tradizzjonali li huma familjari magħhom.

Dean Saliba wieħed mit-tfal li tkellimna miegħu qalilna: “Irridu naqbdu affarijiet bil-ganċ u ma nistgħux nwaqqgħu t-tazzi għax hemm il-bombi. Dawk kienu jilagħbuhom l-antiki għax kienet tgħidli l-mama kont nitgħallimhom l-iskola. Meta mistoqsi jek ġielix lagħabhom huwa wieġeb: Ehe ġieli.”

Jake Duca tifel ieħor li tkellimna miegħu stqarr li jħobb jilgħab dan il-logħob biex jiskurja.

Din kienet l-ewwel attività ta’ din ix-xorta f’Ħal Qormi u l-Kunsill jinsab ħerqan biex jorganizza attivitajiet simili li jinvolvu lit-tfal, bil-ħsieb li ma jeħlux mal-iscreens tal-aġġeġġi teknoloġiċi biss.

Is-Sur Falzon temm jgħid:“Jagħmlu l-istudju, jagħmlu l-homeworks mbagħad jintefgħulek fuq it-tablet kollox bilqegħda. Allura tajjeb, ijwa, nemmen li t-tfal għandhom joħorġu barra mid-dar jattendu wkoll l-għaqdiet sportivi li għandna fil-lokalitajiet tagħna dejjem iżommu attivi anke fiżikalment u mentalment.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend