In-Neputijiet tal-President lesti għall-Fun Run – One News

In-Neputijiet tal-President lesti għall-Fun Run

Wara bosta snin jipparteċipaw fil-‘Fun Run’ tal-President, din is-sena se tkun edizzjoni aktar speċjali u importanti għalihom.

Dan hekk kif għall-ewwel darba, in-neputijiet tal-President George Vella, se jipparteċipaw fl-ewwel Fun Run li se tinfetaħ minn nannuhom, u miegħu se jimxu għal kawża ġusta.

One News ltaqa’ ma’ David, Alec, Martina, Katrina u Carla, li s-Sibt iltaqgħu biex ikomplu bit-tħejjijiet għall-‘fun run’ ta’ nhar il-Ħadd.

David saħaq li filwaqt li fil-passat kien jagħmel il-‘fun run’ ma sħabu, din is-sena ħass li tkun aktar speċjali jekk jagħmluha bħala familja anke b’sapport lejn in-nannu tagħhom.

“Din id-darba involvejna ruħna ħafna aktar, anke ġieli daħal naqra sens ta’ competition bejnietna, imma minkejja kollox jiġifieri, tkellimna l-kuġini, involvejna ħafna ruħna anke meta daħal, kif nistgħu nippromwovu u nħeġġu lil sħabna uwekk.  Jiġifieri mhux talli ħa nipparteċipaw imma talli involvejna ruħna anka ġieli fl-ippjanar.” 

Martina appellat biex kull min jiflaħ jimxi jew jiġri waħda mir-rotot tal-Fun Run, jingħaqad magħhom b’risq dawk inqas ixxurtjati.

“Inħeġġeġ lil dawk in-nies kollha li huma jistgħu jimxu, jew jistgħu jiġru biex jiġu ħalli b’hekk aħna li nistgħu, nistgħu ngħinu iktar nies li ma jistgħux ħabba ċertu mard uwekk.  So b’hekk billi tiġu d-donazzjoni tagħkom ‘it goes a long way’. 

 Kull min jixtieq jattendi għandu jiġbor l-applikazzjoni minn diversi postijiet apposta filwaqt li kull min dakinhar se jkun liebes il-flokk tal-ġirja se jitħalla jivjaġġa b’tal-linja b’xejn lejn il-postijiet tat-tluq u mill-Belt Valletta, fejn jispiċċaw r-rotot kollha; bil-qofol jintlaħaq fi Pjazza San Ġorġ.

Ir-rotot tal-mixi se jitilqu mill-Università, Raħal Ġdid, u Santa Venera filwaqt li l-ġirja ser titlaq mir-Rabat.

Il-President għadu ma ddeċidiex liem rotta se jimxi. Li hu żgur hu li din is-sena mal-President George Vella se jkun hemm iċ-ċkejken neputi Alec, flimkien man-neputijiet l-oħra. Li jonqos biss huwa li tingħaqad magħhom int ukoll.

“Narawkom hemm biex ngħinu lil dawk fil-bżonn.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *