F’sentejn l-industrija tal-Films f’Malta ħalliet ħamsin miljun ewro fl-ekonomija Maltija. Minn Ġunju elfejn u sbatax sa din is-sena, inġibdu wieħed u tletin produzzjoni barranija.
Fil-Parlament il-Ministru Konrad Mizzi fi tweġiba parlamentari qal li l-produzzjonijiet ħolqu erba’ t’elef tmien mija tlieta u tmenin impjieg, b’ħamsa u ħamsin fil-mija tagħhom ikunu ħaddiema lokali.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech tkellem dwar il-promozzjoni li tkun ħadet Malta, hekk kif dawn il-produzzjonijiet inħaddmu fit-tankijiet tal-films fir-Rinella u f’xenarji mill-isbaħ ta’ pajjiżna.
“Tikkrea opportunitajiet ta’ xogħol u Malta ssaħħaħ l-pożizzjoni tagħha f’din l-industrija. Attirajna films mill-Amerka, Bollywood, Ewropa.” Stqarr Grech.
Minn Ġunju elfejn u sbatax sa din is-sena nġibdu wkoll 24 produzzjoni lokali li bbenefikaw mill-Fond tal-Films bit-total tal-fondi allokati jkun ta’ aktar minn miljun ewro.
“Flimkien mal-Ministru Konrad Mizzi fassalna strateġija għal aktar produzzjonijiet biex nkunu back-to-back. Kull produzzjoni tibbenefika minn rebate. Qed nagħmlu investiment fl-infrastruttura wara erbgħin sena.” Kompla jgħid.
Johann Grech qal li l-Kummissjoni tal-Films tibqa’ taħdem qatigħ sabiex tkompli tattira iżjed produzzjonijiet.
“Bħalissa qegħdin jinħadmu series Ingliża u film Amerikan. Ninsab ottimista għal futur.” Ikkonkluda Grech.