Aktar minn 1,500 post vakanti għall-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja – One News

Notifiki

Aktar minn 1,500 post vakanti għall-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja

Ir-regolamenti għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2020 – 2021 ġew ippubblikati fuq il-websajt tal-Arċidjoċesi ta’ Malta www.knisja.mt fil-paġna ‘Skejjel tal-Knisja’. B’kollox ser ikun hemm 1,528 post vakanti għall-istudenti. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru online jew f’xi wħud mill-iskejjel tal-Knisja kif indikat fir-regolamenti.

L-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju jsiru f’Novembru 2019, l-applikanti l-oħra jsiru f’Jannar u Frar tal-2020. Il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja. Lista tad-dokumenti meħtieġa, il-ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji huma mniżżla fir-regolamenti li jinsabu online.

L-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju jinkludu tfal li huma fi djar tal-Knisja, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-knisja, aħwa li jistgħu jinkitbu fl-istess skola ta’ ħuthom u tfal li qegħdin fi skejjel tal-Knisja bla kontinwità. L-applikanti l-oħra huma l-applikazzjonijiet għat-tfal li ma jaqgħux taħt l-ewwel kriterju u li l-ġenituri tagħhom jixtiequ li dawn jidħlu fi skola tal-Knisja.

Ser jiġu allokati wkoll numru ta’ postijiet lil tfal ikkunsidrati bħala każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il-każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew ser ikollhom bżonn l-għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal tal-ażil. Il-każijiet serji jsegwu proċess parallel għall-applikazzjonijiet l-oħra.

In-numru ta’ postijiet vakanti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2020 – 2021 huwa kif ġej:

Sena Postijiet Vakanti Subien Postijiet Vakanti Bniet Total Postijiet Vakanti
L-ewwel sena kindergarten 62 70 132
It-tieni sena kindergarten 114 349 463
L-ewwel sena primarja 365 244 609
L-ewwel sena sekondarja 255 69 324
TOTAL 796 732 1,528

 

Għas-sena skolastika li għadha kif bdiet (2019 – 2020), fl-iskejjel tal-Knisja applikaw 3,687 student li minnhom intlaqgħu 1,607 fid-diversi livelli. Għal darb’oħra, it-talba kienet aktar mid-doppju tal-postijiet disponibbli fl-iskejjel tal-Knisja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend