Sodisfatti li se jittaffew l-ispejjeż għal dawk bid-dijabete – One News

Sodisfatti li se jittaffew l-ispejjeż għal dawk bid-dijabete


Fil-jum dinji għad-dijabete, is-Sur Chris Delicata, President tal-Għaqda Kontra d-Dijabete stqarr li l-fatt li l-insulina daħlet fil-formularju tal-Gvern għal dawk bid-dijabete ta’ tip wieħed jew tip tnejn se ttaffi l-ispejjeż għal dawn in-nies.

Huwa spjega: “Din hija miżura pożittiva. Din it-tip ta’ insulina diġà kienet teżisti għal dawk li jbatu bid-dijabete tat-tip wieħed. Issa se tkun miftuħa u se tkun b’xejn għal dawk li jbatu bid-dijabete tat-tip tnejn. Dawn huma miżuri li jkomplu jtaffu mill-isfidi finanzjarji li jbatu bihom u jsofru persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni.”

Qal ukoll li l-Assoċjazzjoni tinsab sodisfatta bl-inizjattiva ta’ moniteraġġ li ser topera b’intelliġenza artifiċjali b’mod speċjali fuq it-tfal bid-dijabete. Delicata sostna:“Ħadna gost li ser ikun proġett pilota li se tibda bi tfal li jgħixu bid-dijabete, imbagħad tiġi estiża għal kundizzjonijiet oħra. Ovvjament irridu naraw kif se taħdem, irridu nkunu nafu l-ispecifications ta’ dan it-tagħmir imma fl-aħħar mill-aħħar fiduċjużi li din se tkun ta’ għajnuna  għal persuni li jgħixu b’mar kroniku bħalma hija d-dijabete.”

Intant huma ħafna li jiddeċiedu li jgħixu b’għadd ta’ sfidi minħabba l-kundizzjoni tad-dijabete fis-skiet ‘il bogħod mill-għajn u joqogħdu lura milli jsemmgħu leħinhom bil-biża’ li jiġu stigmatizzati.

B’mod ġenerali ssib nies li għad hemm qisu dan it-taboo, li għax għandek kundizzjoni kronika bħad-dijabete, ma tantx jitkellmu dwarha. Aħna bħala assoċċazzjoni dejjem insostnu li inti tkun miftuħ fuq il-kundizzjoni tiegħek għax għajnuna tista’ ssib”, kompla jispjega Delicata.

Fil-bidu tas-sena l-oħra infetħet sala fl-isptar għal kura tar-riġlejn ta’ dawk bid-dijabete.

Fil-fatt minn tweġiba parlamentari tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne ħareġ li kien hemm 629 pazjent li ħarġu mill-kura li ngħatat f’din is-sala.

Chris Fearne qal ukoll li bejn Jannar tal-2016 u Awwissu ta’ din is-sena kien hemm 111-il persuna li nqatgħulhom riġlejhom jew ftit ‘il fuq mill-irkoppa.

Filwaqt li l-kirurgu Francis Carbonaro qed jagħmel studju dwar dawk li riżultat tad-dijabete tilfu d-dawl t’għajnejhom, fl-aħħar tliet snin saru 444 operazzjoni tal-għajnejn fuq kważi 350 pazjent bid-dijabete.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *