Jibda t-tħaffir tal-mini ta’ Santa Luċija – One News

Jibda t-tħaffir tal-mini ta’ Santa Luċija


L-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta bdiet it-tħaffir għal żewġ mini li se jinbnew taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija. Dan huwa investiment ta’ €20 miljun li l-Gvern qed jagħmel biex din ir-rotta ewlenija li twassal għal bosta lokalitajiet, tkun aktar effiċjenti.

Il-Perit tal-proġett, Raphael Abdilla, spjega li l-mini se jkollhom żewġ korsiji kull waħda, u se jgħaqqdu direttament iż-żewġ karreġġjati fit-Telgħa tal-Addolorata ma’ Triq tal-Barrani. Huwa spjega li “Il-proġett jinkludi 90 metru mina u 130m rampa fuq kull naħa. Illum bdejna t-tħaffir tal-mina u se nħaffru bejn 8 u 9 metri mill-ogħla post. Ix-xogħol li beda qed isir fil-parti tat-triq li hija diġà magħluqa u mhux se jaffettwa t-traffic management li diġà implimentajna.”

Il-Perit Abdilla spjega li s-sistema temporanja tat-traffiku li ġiet implimentata biex ikun jista’ jsir il-proġett se tibqa’ fis-seħħ għal ftit xhur oħra sa ma javvanza x-xogħol.

Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid u t-titjib tal-jogging track, titjib tas-subway ta’ Triq Tal-Barrani u korsija ġdida għar-roti li se tgħaqqad lil Santa Luċija mal-Marsa. Abdilla tenna: “Se nkunu qed naħdmu l-ħitan tal-mina u  l-istrutturi li se jżommu r-rampi ta’ maġenb il-mina biex tkun tista’ tinbenda r-roundabout fuq il-mina. Se nagħmlu xogħol ta’ servizzi kemm ta’ entitajiet oħra li nqabdu fil-proġett kif ukoll storm water ġdid.”

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li dan huwa proġett kruċjali li jingħaqad ma’ oħrajn li se jagħtu nifs lin-naħa t’isfel ta’ Malta, li ilha snin tistenna li jsiru interventi bħal dawn.

“Il-mini ta’ Santa Luċija huma meħtieġa għaliex ladarba niżblukkaw il-konġestjoni tat-traffiku mill-Marsa, Santa Luċija iżjed se tkun qed tesponi ruħha għal flow tat-traffiku la darba niftħu l-flyovers kollha fix-xhur li ġejjin”, stqarr il-Ministru Borg.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend