Il-Mudell tal-Parlament Ewropew għall-ewwel darba f’Malta – One News

Notifiki

Il-Mudell tal-Parlament Ewropew għall-ewwel darba f’Malta


Bdiet titlaqqa’ f’Malta l-51 edizzjoni tal-Mudell tal-Parlament Ewropew li qegħdin jieħdu sehem fih madwar 200 żagħżugħ u żagħżugħa li ġejjin mit-28 pajjiż Ewropew.

Is-sessjoni li qed tiġi kkordinata mill-Aġenzija Żgħażagħ, toffri spazju liż-żgħażagħ biex iħossuhom parti minn komunità kbira kif ukoll jitħarrġu fuq diplomazija u jaħdmu flimkien f’kumitati. Il-parteċipanti qed jieħdu sehem ukoll f’bosta dibattiti dwar is-sehem tagħhom fis-soċjetà.

Isabelle Mallia Uffiċjal ta’ Aġenzija Żgħażagħ tkellmet dwar l-iskop tal-Mudell tal-Parlament Ewropew li jsir kull sitt xhur f’pajjiż Ewropew. Hija spjegat: “Model European Parliament hija simulazzjoni tal-Parlament Ewropew. Meta nkunu tfal żgħar aħna ħafna drabi nilagħbu bil-pupa biex meta nikbru nsiru mamijiet. Dik kienet ħaġa li konna nagħamlu qabel. Illum il-ġurnata liż-żgħażagħ nagħtuhom spazju fejn jipprattikaw għal ftit ġranet kif ikunu Membri Parlamentari tal-Ewropa.”

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Clifton Grima, qal li l-fatt li din l-attività qed issir f’pajjiżna fit-30 anniversarju mill-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin, jagħti sinifikat għal mod ta’ kif jitkellmu u jirraġunaw iż-żgħażagħ illum.

“U allura tieħu pjaċir illi tara lil pajjiżna jilgħab irwol ċentrali, rwol ta’ leadership f’dak li għandu x’jaqsam bħala politika żagħżugħa ġewwa l-Ewropa”, sostna s-Segretarju Parlamentari Grima.

Fil-ftuħ ta’ din il-konferenza li saret fit-Teatru Manoel fil-Belt, il-President ta’ Malta George Vella, qal li din il-konferenza se tagħti opportunità unika biex iż-żgħażagħ joħorġu b’ideat innovattivi biex jisfidaw sfida li l-Ewropa ilha tħabbat wiċċha magħhom għal bosta snin. Huwa żied jgħid li r-risett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà u l-ugwaljanza huma wħud mill-valuri fundamentali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend