Il-MPE Alex Agius Saliba ġie elett Ko-President tal-Kumitat Politiku tal-UE-AKP – One News

Notifiki

Il-MPE Alex Agius Saliba ġie elett Ko-President tal-Kumitat Politiku tal-UE-AKP

Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba ġie elett bħala Ko-President tal-Kumitat għall-affarijiet politiċi fl-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP).

L-Assemblea AKP hija l-unika istituzzjoni tat-tip tagħha fid-dinja. L-għan tagħha huwa li tiġbor flimkien 28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u tmienja u sebgħin pajjiż tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku li huma legalment marbuta bil-Ftehim ta’ Cotonou.

“L-importanza ġeopolitika tal-Assemblea tal-AKP għall-Unjoni Ewropea u Malta hija bla paragun u qatt ma kienet aktar rilevanti. Din l-istruttura unika tiffaċilita l-kollaborazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi kollha dwar problemi bħall-kriżi tal-migrazzjoni attwali, l-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-valuri komuni tal-umanità,” ikkummenta l-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba ftit wara li ġie elett.

“Fl-opinjoni tiegħi, il-kriżi tal-migrazzjoni mhix problema Ewropea. Huwa fenomenu globali li jeħtieġ approċċ komprensiv li jġib lil kulħadd abbord fi spirtu ta’ responsabbiltà kondiviża. L-Assemblea Parlamentari konġunta tipprovdi l-forum ideali biex tindirizza din il-problema b’mod olistiku flimkien mal-pajjiżi kollha tal-AKP. Il-kooperazzjoni hija kruċjali jekk irridu nimxu ‘l quddiem u nsibu soluzzjoni komuni,” qal il-MPE Alex Agius Saliba.

Bħala Ko-President għall-Kumitat politiku, il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Salia ser ikun qed jinsisti fuq il-bżonn ta’ aktar akkontabilità, trasparenza u amministrazzjoni xierqa tal-għajnuna finanzjarja u l-investimenti kollha li l-Unjoni Ewropea tati lil dawn il-pajjiżi. Huwa ser ikun qed jippromwovi l-avvanz ta’ edukazzjoni u saħħa aħjar, aktar aċċess għal beni pubbliċi, aktar impjiegi, prosperità u libertà fil-pajjiżi AKP.

“Fi Frar 2020, il-Ftehim ta’ Cotonou se jiskadi, u għaldaqstant trid tiġi ddisinjata relazzjoni ġdida. Issa huwa l-mument ideali biex inħarsu lejn il-kisbiet u n-nuqqasijiet tal-ftehim kurrenti u naddottaw approċċ ġdid. Għandna ninnegozjaw aħjar favur politiki ta’ żvilupp li jiġġieldu l-faqar u li jkunu mmirati biex jiġġeneraw ħajja aħjar u aktar benefiċċji għaċ-ċittadini fil-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba.

Bħala Ko-President, l-ewwel missjoni tiegħu se tkun li jippresiedi l-Kumitat għall-affarijiet politiċi fl-ewwel Assemblea tal-AKP wara l-elezzjonijiet Ewropej, li se ssir fit-18 ta’ Novembru fir-Rwanda. Matul il-Kumitat, il-Membri ser jiddiskutu wkoll għall-ewwel darba r-Rapport imsemmi “Demokrazija u rispett għall-kostituzzjonijiet fil-pajjiżi tal-UE u tal-AKP” li għalihom l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba ġie elett bħala l-kelliem u r-rapporteur tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend