Mozzjoni li kompliet tifridhom… niżvelaw x’intqal fil-grupp – One News

Notifiki

Mozzjoni li kompliet tifridhom… niżvelaw x’intqal fil-grupp

L-aġir tad-deputat Nazzjonalista, Simon Busuttil, reġa’ wassal għal diżgwid fil-Partit Nazzjonalista.  

B’konsegwenza, ONE News reġa’ kien f’pożizzjoni li jiżvela laqgħa tal-grupp hekk kif issejħet u issa għandu wkoll id-dettalji ta’ x’intqal fiha.

Kien kmieni wara nofsinhar li one.com.mt xandar l-aħbar li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, kien imġiegħel ilaqqa’ l-grupp parlamentari mill-eks Kap Simon Busuttil.

Dan tal-aħħar irid li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jadotta l-istil konfrontattiv li kien jadotta fi żmien li kien imexxi hu.

Iżda, mhux kulħadd qiegħed jaqbel tant li fid-diskussjoni biex issir mozzjoni biex tintalab ir-riżenja taċ-chief of staff tal-Prim Ministru kien hemm min oppona.

Ir-raġunament ta’ dawk li fil-grupp parlamentari argumentaw kontra kien jinkludi l-ħsieb li mozzjoni ta’ dan it-tip se sservi biex il-kelliema tal-gvern jerġgħu jagħmlu l-argumenti tagħhom.  

Tant li l-istess deputati fakkru li mozzjonijiet simili saru diġà u ħafna drabi l-Partit Nazzjonalista ma gwadanjax wisq minnhom.

Il-preżentazzjoni tal-mozzjoni saret iktar tard milli pjanat bil-midja tissejjaħ fl-4:30 ta’ waranofsinhar u titħalla tistenna għal sa ftit qabel is-6:00 ta’ waranofsinhar.

Fil-grupp parlamentari kien hemm qbil ukoll li ma jintalabx smigħ b’urġenza tul il-jum tal-Erbgħa stess għax ħassew li mhux preparati.

Kurjuża ħafna u li ħalliet lil uħud mistgħaġba kienet talba li għamel Simon Busuttil fil-laqgħa tal-grupp. Dan ried li kull fejn issir referenza għalih ma tkunx bħala deputat, iżda bħala eks Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant, fil-laqgħa tal-grupp parlamentari saret ukoll referenza għal leak li kien hemm lil ONE News sigħat qabel il-laqgħa.

Din hi ħaġa li ħolqot tensjoni kbira u l-Kap tal-Oppożizzjoni Delia wasal jindika li s-soltu s-suspetti jaqgħu fuq Jason Azzopardi, iżda li din id-darba mhux bilfors kien hu.

Fis-sejħa għal iktar militantiżmu u l-konfront Busuttil għandu l-appoġġ ta’ dawk magħrufa bħala l-‘barra brigade’ li qabel l-elezzjoni tal-2017 kienet torganizza protesti kontinwi u ssejjaħ għar-riżenji l-ħin kollu.

Min-naħa tiegħu Adrian Delia ilu jgħid sa minn meta nħatar kap li jrid jadotta stil differenti anke jekk jimmarka fejn ma jaqbilx jew jemmen li hemm nuqqasijiet.

Bħalu argumenta kemm-il darba s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, li qal li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ jadotta l-istess riċetta li telfitu l-elezzjonijiet.

Iżda, fl-iktar mumenti li kien dgħajjef Delia dejjem ċeda għal dak li talbet il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, anke għax Delia hu konxju li Busuttil se jerġa’ jisfidah pubblikament bl-ewwel sinjali ntbagħtu fil-Parlament it-Tlieta meta tkellem quddiem kulħadd dwar li kien qed jistenna l-oppożizzjoni torganizza l-protesti.

Dan hu punt ieħor li tqajjem fil-laqgħa u wara Adrian Delia qal li se jattendi għall-protesta tal-‘Occupy Justice’ u ‘Repubblika’, l-istess nies li kontinwament jitolbu r-riżenji tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend