Is-servizz tal-Gozo Channel reġa’ beda wara li kien ilu sospiż għal madwar 15-il siegħa kawża tar-riħ qawwi u l-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin.
Il-kumpanija ħabbret dan f’messaġġ fuq il-meżżi soċjali kmieni l-Erbgħa filgħodu, fejn qalet li qed topera s-servizz mir-rotta ta’ Kemmuna.
F’kumment ma’ ONE News, iċ-ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li l-kumpanija qed topera bi tliet vapuri u li qiegħda tlaħħaq mad-domanda li hawn. Saħaq li hekk kif ir-riħ ikompli jbatti il-ħsieb huwa li tirranka l-ħidma normali skont l-iskeda.
Intant, għal matul il-lejl li għadda saru arranġamenti biex Għawdxin maqbudin Malta u viċi-versa jkollhom akkomodazzjoni f’lukandi sakemm is-servizz jiġi lura għan-normal.