L-investiment lejn ir-reġjun tal-Mediterran kien fuq nett tal-aġenda f’laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Tuneżin Youssef Chahed.
Iż-żewġ mexxejja kienu qegħdin jieħdu sehem f’attività li ttellgħet b’rabta mal-erbgħin sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO.
Stqarrija tal-Gvern qalet li ż-żewġ mexxejja tennew l-impenn tagħhom li jsostnu u jippromwovu r-relazzjonijiet pożittivi bejn Malta u t-Tuneżija għall-ħolqien ta’ opportunitajiet tanġibbli għall-komunijiet kummerċjali tagħhom.
Il-Prim Ministru Malti u dak Tuneżin ddiskutew ukoll l-isfidi tal-immigrazzjoni illegali.
Ingħad li ż-żewġ naħat qablu li l-pajjiżi f’dan ir-reġjun għandhom jikkoperaw aktar flimkien biex jassiguraw li waqt li jsalvaw il-ħajjiet fuq bażi umanitarja, jimxu mal-liġijiet internazzjonali u l-konvenzjonijiet applikabbli.
Dan bil-għan li jiġu mmexxija aħjar il-flussi tal-immigrazzjoni u ġlieda aktar b’saħħitha kontra t-traffikar tal-immigranti.