Il-Gvern jlaqqa’ l-linji tal-ajru Ewropej u dawk ibbażati Malta fi Brussell biex jiddiskutu tnaqqis tal-emissjonijiet – One News

Notifiki

Il-Gvern jlaqqa’ l-linji tal-ajru Ewropej u dawk ibbażati Malta fi Brussell biex jiddiskutu tnaqqis tal-emissjonijiet


Numru ta’ linji tal-ajru Ewropej fosthom dawk ibbażati f’Malta, qegħdin jopponu proposta li saret minn disa’ pajjiżi biex tiddaħħal taxxa fuq l-emissjonijiet mill-ajruplani.

Din il-proposta kienet fil-quċċata ta’ laqgħa organizzata mill-Gvern Malti u l-grupp tal-linji tal-ajru fl-Ewropa. Matul il-laqgħa ġew diskussi miżuri dwar kif linji tal-ajru jistgħu jieħdu miżuri aktar favur l-ambjent.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega li hemm metodi aħjar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u li ma jinvolvu l-ebda taxxi ġodda li jimminaw il-kompettività. Huwa spjega: “Aħna nħossu bħala grupp li hawn metodi ferm aħjar minn din il-proposta biex innaqqsu l-emissjonijiet. Nemmnu li l-ewwel punt li jrid isir fl-Ewropa hu li nimplimentaw l-Open Skies fejn ikollna traffic control li jkun borderless u b’hekk innaqqsu wkoll l-emissjonijiet. Jista’ jsiru inizjattivi oħrajn ta’ aktar biofuels fis-settur tal-avjazzjoni kif ukoll numru ta’ inizjattivi minn airlines differenti.”

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi saħaq ukoll dwar l-importanza li l-linji tal-ajru jeqilbu għal ajruplani aktar moderni u li jniġġsu inqas.

F’dan l-isfond qal li l-linja tal-ajru nazzjonali l-Air Malta bħalissa qed tibdel il-flotta tagħha għal ajruplani li jniġġsu 20% inqas minn dawk preżenti. Dan filwaqt li l-Malta Air se tkun qed tagħmel l-istess.

Saħaq li dawn huma miżuri importanti għal pajjiżna hekk kif Malta rreġistrat żieda ta’ 74% fit-traffiku tal-ajru mill-2012 lil hawn.

Il-Ministru Mizzi stqarr li peress Malta tiddependi ħafna mill-konnettività bl-ajru, trid tassigura s-sostenibbiltà tas-settur mingħajr ma timmina t-tkabbir ekonomiku li qiegħed jirreġistra pajjiżna.

Huwa tkellem ukoll dwar miżuri li qed jittieħdu favur it-tibdil fil-klima.

Fosthom il-ħidma fuq sistema b’teknoloġija blockchain li tippermetti kumpaniji globali u organizzazzjonijiet lokali jkejlu l-ħruġ tal-karbonju waqt l-ivvjaġġar tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend