Diskussjonijiet għal pjan ta’ kontinġenza għas-serħan tal-moħħ tal-Għawdxin – One News

Diskussjonijiet għal pjan ta’ kontinġenza għas-serħan tal-moħħ tal-Għawdxin


Wara l-maltempata qawwija tat-Tlieta li ħalliet mijiet ta’ Għawdxin maqbuda f’Malta minħabba li kellu jitwaqqaf is-servizz tal-vapuri tal-Gozo Channel, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li għalkemm il-Gvern kien pront biex jaġixxi, issa jrid jitħejja pjan ta’ kontiġenza biex jilqa’ għal ċirkostanzi simili.

Fi stqarrija, il-Ministu għal Għawdex qalet li għalhekk se tibda diskussjoni bejn diversi ministeri biex jiġi fformulat dan il-pjan.

Hija ħabbret ukoll li qed jitfassal mekkaniżmu biex il-ħaddiema Għawdxin li fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa raqdu f’xi lukanda jew f’guest house proposti mill-Ministeru għal Għawdex, jingħataw kumpens għall-ispejjeż marbuta mal-akkomodazzjoni.

Il-Ministru Caruana spjegat: “Ħa nkunu qegħdin niġbru l-informazzjoni kollha biex imbagħad inkunu qegħdin nagħmlu wkoll taħdidiet ma’ ministeri oħrajn biex naraw imbagħad kif se nkunu nagħtu – nistgħu nagħtu l-assisstenza finanzjarja.”

Il-Ministru għal Għawdex saħqet li dak li ġara mhux każ iżolat iżda għall-ewwel darba, il-Gvern ħa deċiżjoni u aġixxa sabiex joffri saqaf li dawk li nqabdu f’Malta jew f’Għawdex.

Il-Ministru Caruana esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-ħaddiema kollha fosthom tal-Gozo Channel minkejja l-elementi qawwija, jibqgħu jbaħħru sakem ikun possibbli.

Hija tat ħajr ukoll lis-sidien tal-lukandi fit-tramuntana ta’ Malta li kkollaboraw u offrew rati preferenzjali lill-Għawdxin li nqabdu f’Malta u lill-komunità tal-giżwiti f’Għawdex li offrew kenn lil Maltin li nqabdu f’Għawdex

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend