200 kumpanija Maltija jebbenefikaw minn għajnuna minn ‘TradeMalta’ biex jesportaw ix-xogħol tagħhom – One News

Notifiki

200 kumpanija Maltija jebbenefikaw minn għajnuna minn ‘TradeMalta’ biex jesportaw ix-xogħol tagħhom

B’investiment ta’ kważi miljun ewro minn fondi Ewropej, madwar 200 negozju żgħir u medju ibbenefikaw b’suċċess minn għajnuniet mingħand TradeMalta sabiex jesportaw il-prodott tagħhom jew jinternazzjonalizzaw in-negozju tagħhom.

Dan permezz ta’ pjattaforma online apposta li TradeMalta żviluppat li għenet lin-negozji jlaħħqu ma’ negozji simili f’pajjiżi oħra Ewropej.

Fost dawn hemm il-kumpanija Lewis Press li taħdem fil-qasam tal-istampar. Justin Camilleri qal li din il-pjattaforma għenet il-kumpanija tibni strateġija kif se timraħ fi swieq barranin. Huwa sostna: “Irnexxielna nibnu strateġija għal internationalisation li llum il-ġurnata qegħdin insaħħuha bil-mod il-mod u anke rnexieelna nesportaw f’xi pajjiżi bħal Żvizzera, l-Italja. Dawn l-affarijiet jgħinuna biex inżidu l-export tagħna.”

Il-pjattaforma tgħin ukoll lin-negozji Maltin meta jaslu biex iwettqu riċerka dwar is-suq.

Franco Portelli mill-kumpanija Gutenberg Press saħaq li l-applikazzjoni tagħti wkoll kredibilità lill-kumpaniji Maltin meta jiġu biex jinnegozzjaw ma’ entitajiet barranin. Portelli sostna: “Issaħħaħ l-argument tiegħek u tivvalida l-argument tiegħek. Għaldaqstant għandna corporate video li għamilna ma’ TradeMalta u nipproponuh mal-klijenti tagħna pero ttina dik il-kredibilita li bniedem jgħid isma dan qed jgħidli ħafna affarijiet imma dan biased għax fl-interess tiegħu. Li inti tiġi vverifikat minn entita pubblika b’fondi Ewropej turi kredibilita u ċertezza.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ TradeMalta Anton Buttigieg saħaq li l-pjattaforma tipprovdi l-użu ta’ materjal awdjo-viżwali, it-teknoloġija tal-kommunikazzjoni u l-informazzjoni u riċerka oħra fost oħrajn għal kumpaniji interessati.

Buttigieg stqarr: “Illum li jkollok informazzjoni f’post wieħed hija kruċjali. Kullħadd magħfus bil-ħin u ħassejna li billi nikkreaw dan il-portal li jgħin kumpaniji bbażati f’Malta jesportaw jsibu l-informazzjoni l-info f’sit wieħed kien neċċessità.”

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li qed ikunu investiti €30 miljun minn fondi ewropej f’għotjiet għan-negozji żgħar u medji permezz ta’ seba’ skemi differenti.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qal li TradeMalta taħdem biex kumpaniji Maltin jistabilixxu preżenza barra minn pajjiżna.

Qal li s-sena d-dieħla se jibda’ proġett pilota ta’ aġenti diplomatiċi li jkunu involuti f’missjonijiet kummerċjali f’missjonijiet biex jkompli jkun xprunat il-kummerċ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend