BIL-FILMAT: Sospiż is-servizz tal-vapuri tal-Gozo Channel minħabba l-maltemp – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Sospiż is-servizz tal-vapuri tal-Gozo Channel minħabba l-maltemp

Mijiet ta’ ħaddiema u studenti Għawdxin spiċċaw inqabdu f’Malta kawża ta’ riħ qawwi li laħaq forza tmienja f’diversi nħawi tal-gżejjer Maltin.

Il-kumpanija Gozo Channel ħadet id-deċiżjoni li tissospendi s-servizz bil-baħar wara li l-kundizzjoni tal-baħar fil-fliegu baqgħet sejra għall-agħar.

Kif jixhdu filmati mibgħut lil one.com.mt minn fuq vapur t’Għawdex ftit minuti biss qabel ma ġie sospiż is-servizz, il-kundizzjoni tal-baħar fil-fliegu bejn iż-żewġ gżejjer kienet ħażina ħafna b’mewġ ilaħħaq aktar minn tliet metri.

Is-servizz tal-Gozo Channel ma kienx l-unika servizz li ġie affettwat kawża tal-maltemp hekk kif is-servizz tal-katamaran bejn Malta u Sqallija wkoll kellu jiġi sospiż.

Kawża tal-riħ, għall-ewwel darba fi tliet snin il-Floating Storage Unit li hemm sorġut biswit il-Power Station ta’ Delimara nqala’ ’l barra minn mal-moll.

Fi stqarrija, it-Tnejn filgħaxija, il-kumpanija Electrogas qalet li kienet se tuża s-sistema ta’ rmiġġ b’saħħtu li installat f’każ ta’ maltempata qawwija ħafna. Qalet s-sistema tinkludi tmien ankri li tqiegħdu f’qiegħ il-baħar li huma mqabbda ma’ winches fuq il-gverta tat-tanker.

Dawn stiraw il-ktajjen mal-ankri fl-istess ħin li t-tanker inqala’ ’l barra minn mal-moll f’pożizzjoni stabbilità. Electrogas żiedet tgħid li matul dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni, qed jintużaw sorsi ta’ enerġija alternattiva.

L-istess riħ qaċċat ukoll xi siġar madwar il-gżejjer Maltin fosthom fil-Marsa u n-Naxxar.

L-aħħar tbassir tat-temp juri li r-riħ mistenni jnaqqas fis-saħħa tiegħu l-Erbgħa waranofsinhar madankolu x-xita mistennija tibqa’ tippersisti fil-jiem li ġejjin.

Il-pubbliku huwa mistieden isegwi aktar aġġornamenti dwar tibdil fl-iskedi fuq il-paġna uffiċjali tal-Gozo Channel fuq Facebook.

 

 

Segwi filmat miġbud dalgħodu minn fuq wieħed mill-vapuri tal-Gozo Channel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend