Fi tliet xhur bejn Lulju u Settembru, aktar minn mitejn u tmint elef ruħ siefru minn Malta lejn bosta destinazzjonjiet u bejniethom nefqu aktar minn mitejn miljun ewro.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li s-safar tal-Maltin fit-tielet kwart tas-sena kien erbgħa u nofs fil-mija aktar mill-istess tliet xhur taas-sena l-oħra b’żieda ta’ aktar minn disat elef ruħ li siefru minn pajjiżna għal btala jew għal xogħol.
L-NSO żied jgħid li ras għal ras, il-Maltin u l-Għawdxin nefqu medja ta’ disa’ mija u tmienja u sittin ewro f’dawn is-safriet.
Żied jgħid li l-Italja u r-Renju Unit baqgħu l-aktar destinazzjonijiet imfittxija b’aktar minn ħamsa u erbgħin fil-mija tas-safar kollu tal-Maltin.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li l-Maltin mhux biss żiedu fis-safar iżda qegħdin ikunu wkoll aktar avventurużi fl-għażla tad-destinazzjonijiet li jagħżu għal btala tagħhom.
Fil-fatt waqt li s-safar tal-Maltin lejn pajjiżi Ewropej żdied b’wieħed punt tmienja fil-mija, iż-żieda fis-safar f’pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea żdied b’aktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija/
Din ix-xejra taż-żieda fis-safar tal-Maltin hija kkonfermata wkoll miċ-ċifra tal-ewwel disa’ xhur tas-sena, b’żieda ta’ sitta punt tnejn fil-mija, bl-uffiċċju tal-Istatistika jgħid li mill-istħarriġ tiegħu joħroġ li bejn Jannar u Settembru siefru aktar minn nofs miljun ruħ u nefqu bejniethom aktar minn erba’ mija u sitta u erbgħin miljun ewro, żieda fin-nefqa ta’ aktar minn sebgħa punt sitta fil-mija meta mqabbel mat-tliet xhur tas-sajf is-sena li għaddiet.