B’investiment ta’ seba’ miljun ewro, parti minnhom fondi Ewropej, tnieda proġett biex jissaħħaħ l-apprentistat fl-MCAST.
Dan il-proġett jikkonsisti f’taħriġ li se jiġi offrut lil madwar erba’ mitt kumpanija li jagħtu apprentistat lil studenti tal-MCAST. Dan biex il-kumpaniji jkunu mħarrġa u jkollhom għarfien dwar l-importanza tal-apprentistat għat-trawwim tal-istudenti fl-industriji.
Preżentament hawn mal-elf u erba’ mitt kumpanija, minn industriji differenti li joffru opportunità ta’ apprentistat lil tlett t’elef student tal-MCAST li jkunu qed isegwu kors vokazzjonali. Fost il-kumpaniji hemm minnhom ġejjin mis-settur farmaċewtiku, tal-inġinerija, tat-teknoloġija informatika u tal-kostruzzjoni fost oħrajn.
Martin Borg, Direttur għall-apprentistat qal li se jiġi iddisinjat programm ta’ taħriġ li se jkun online sabiex minnu jitħarġu l-kumplament tal-kumpaniji li joffru taħriġ.
“Jilħaq livell ta’ kwalità fejn jidhol l-apprentistat. L-idea jinbena framework biex inkomplu nersqu lejn l-industrija”
L-MCAST qiegħda taħdem id f’id mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, bil-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li dan il-programm se jkompli jgħin lil kumpaniji u n-negozji joffru esperjenza aħjar għall-apprentisti.
“Nirrealizaw li l-industrija għandha parti importanti biex tħarreġ lil dawn iz-zgħazagħ.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo faħħar dan il-programm li se jsaħħaħ l-apprentistat. Huwa tkellem fil-kuntest li sittin fil-mija tal-istudenti fl-iskola sekondarja għażlu suġġetti vokazzjonali u applikati.
Dan filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia tkellem dwar kif il-fondi Ewropej qed jintużaw għal skop edukattiv u biex ninvestu fil-ħaddiema.
“Bil-fondi ewropej anki permezz ta’ dan il-programm qed inħarġu l-work force futura u prezenti, mhux biss għal issa imma anki għaz-zmien li ġej.”