BIL-FILMAT: Schembri jgħid li qiegħed iwieġeb kull mistoqsija quddiem l-inkjesta Maġisterjali – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Schembri jgħid li qiegħed iwieġeb kull mistoqsija quddiem l-inkjesta Maġisterjali

Jien weġibt u se nwieġeb kull mistoqsija li se ssirli quddiem l-inkjesti Maġisterjali. Dan sostnih iċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fi sqarrija li wieġbet għal rapporti żbaljati minn uħud mill-mezzi tax-xandir.

Schembri sostna li l-libell li kien qed jinstema’ t-Tnejn filogħdu infetaħ minnu f’April ta’ tliet snin ilu dwar allegazzjonjiet malafamanti li għamel l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Fakkar li f’seduta li saret f’Ottubru ta’ sentejn ilu, Busuttil  irrifjuta jgħid li Schembri kien involut f’aġir ħażin, kif kien ilu jallega għal bosta snin.

Innota li l-allegazzjonijiet ma kienu bl-ebda mod marbuta mal-kumpanija 17 Black, u għalhekk il-proċeduri ta’ libell kienu jittrattaw allegazzjonijiet oħra li għamel Busuttil ferm qabel ma ġew ppubblikati l-allegazzjonijiet dwar 17 Black.

Fis-seduta tat-Tnejn, il-Maġistrat Victor Axiak iddikjara li kien joffri servizz legali lill-kumpanija Kasco li Schembri kien Direttur tagħha u għadu shareholder tiegħu.

Il-Maġistrat iddikjara wkoll li huwa kien joffri servizzi legali lid-ditta Nexia BT li huma l-awdituri tal-Kasco Group.

Is-Sur Schembri qal li ħassu sorpriż li Simon Busuttil ma kellux diffikultà fuq dan il-punt. Madankollu l-Avukati ta’ Schembri ħassew li kellhom jitolbu għar-rikuża tal-Maġistrat biex meta l-Qorti tiġi biex tagħti l-verdett, mhux biss issir ġustizzja imma tidher li qed issir mingħajr ebda dubji.

Fil-Qorti, il-Maġistrat Axiak ċaħad it-talba tar-rikuża, u ċaħad anke t-talbiet ta’ Schembri biex ma jkunx hemm xhieda li tippreġudika l-proċeduri li għaddejjin fl-inkjesti Maġisterjali mitluba minn Simon Busuttil stess u t-talba ta’ appell minn dik id-deċiżjoni.

Għalhekk Schembri sostna li minħabba dawn il-fatti u fuq il-pariri li ngħata mill-avukati tiegħu, kontra qalbu kellu jwaqqa’ l-libell għax ħass li f’dawn il-kawża, setgħu jiġu ppreġudikati d-drittijiet fundamentali u Kostituzzjonali tiegħu minħabba li għaddejjin Inkjesti Maġisterjali mitluba mill-istess Simon Busuttil.

B’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalsita, il-Partit Laburista qal li qed jitkellem dwaru l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa suġġett ta’ inkjesti maġisterjali li saħansitra ntalbu minn membri tal-istess oppożizzjoni.

Il-Partit Laburista qal li wieħed għandu jħalli l-ġustizzja taħdem f’serenità u jistenna l-konklużjonijiet tal-inkjesti li quddiemhom xehed kull min fil-konfront tiegħu saru l-allegazzjonijiet.

Innota d-dikjarazzjonijiet li saru u l-pożizzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar sigħat u sostna li dawn reġgħu wrew l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni dwar l-istituzzjonijiet.

Il-Partit Laburista qal li huwa ironiku kif deputati tal-oppożizzjoni li jattakkaw il-ħin kollu lill-ġudikanti maħtura bis-sistema l-ġdida, din id-darba kellhom ġenn biex jidhru quddiem il-qorti ffurmata b’dan il-mod anke meta tqajmu punti biex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tidher ukoll li qed issir.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend