L-FSU se jinqala’ ’l barra mill-moll bħala prekawzjoni minħabba l-maltemp – One News

Notifiki

L-FSU se jinqala’ ’l barra mill-moll bħala prekawzjoni minħabba l-maltemp

Il-kumpanija Electrogas li topera l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Delimara qalet li t-tanker tal-gass se jinqala’ ’l barra mill-moll bħala prekawżjoni minħabba l-maltemp.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li l-imbatt tal-mewġ fil-bajja ta’ Marsaxlokk mistenni jkun b’saħħtu ħafna bir-riħ mistenni jonfoħ mix-xlokk il-lvant u jilħaq forza sitta sa tmienja.

Fi stqarrija, il-kumpania qalet li hija impenjata li topera l-impjant f’Delimara b’mod sigur. Qalet li għalhekk bħala miżura ta’ prekawzjoni u qabel mat-temp ikompli sejjer għall-agħar, it-tanker se jinqala’ 70 metru ’il barra mill-moll. Qalet li t-tanker huwa ddisinjat biex jibqa’ ankrat fil-port sakemm jgħaddi l-maltemp.

Il-kumpanija żiedet tgħid li se tkun qed tuża s-sistema ta’ rmiġġ b’saħħtu li installat f’każ ta’ maltempija qawwija ħafna. Qalet s-sistema tinkludi tmien ankri li tqiegħdu f’qiegħ il-baħar li huma mqabbda ma’ winches fuq il-gverta tat-tanker. Dawn mistennija jistiraw il-ktajjen mal-ankri fl-istess ħin li t-tanker jinqala’ ’l barra minn mal-moll f’pożizzjoni stabbilità.

Electrogas żiedet tgħid li matul dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni, se jintużaw sorsi ta’ enerġija alternattiva.

Qalet li l-kumpanija se terġa’ tibda topera wara li tintemm il-maltempata u wara li l-kaptan tat-tanker jiddeterimna li huwa sigur li l-bastiment jista’ jerġa’ jittrakka mal-jetty.

Intant fi stqarrija, il-Ministeru għall-Enerġija qal din il-miżura ta’ prekawzjoni tikkonferma s-sigurtà tat-teknoloġija l-ġdida li ddaħħet f’Malta.

Qal li din hija l-ewwel darba fi tliet snin, li l-bastiment se jinqala minn mal-moll mindu ddaħħal f’Malta bħala parti minn proġett ambizzjuż għal Malta li permezz tiegħu qaleb il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-HFO għall-gass u li wassal għat-traħħis fil-konijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji.

Żied jingħad li l-Gvern huma mixi kif ippjanat fl-implimentazzjoni tal-pipe line tal-gass bejn Malta u Sqallija li se jieħu post it-tanker tal-gass. Il-Ministeru qal li waqt li mhux eskluż li jista’ jkun hemm qtugħ fis-servizz minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, ġie assigurat li ttieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġi aċċertat servizz fil-pront f’każ li jinqala’ l-bżonn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend