Waslet Malta qawwija u sħiħa, Ellie Portelli, iċ-ċkejkna ta’ tliet snin li kienet ilha aktar minn sentejn tistenna barra minn xtutna biex isirilha trapjant tal-fwied.
Iċ-ċkejkna waslet f’Malta fl-aħħar sigħat u ngħatat merħba sabiħa ħafna mill-qraba u l-ħbibe tal-familja tagħha. Għal dawn l-aħħar sentejn, iċ-ċkejkna li għalqet żmienha ftit tal-jiem ilha qagħdet f’wieħed mill-appartamenti li Puttinu Cares għandhom l-Ingilterra.
Filmat li ttella’ fuq Facebook juri li ċ-ċkejkna Ellie mixja fis-sala tal-wasliet tal-ajruport mal-wasla tagħha f’Malta.
Fuq Facebook, Puttinu Cares qalu li ċ-ċkejkna bdiet tgħix mill-ġdid wara li fil-bidu ta’ Settembru li għadda, ommha Jeclohan waslitilha telefonata li tant kienet ilha tistenna aktar minn sentejn. Dan wara li minn testijiet li sarulha, irriżulta li l-fwied kien jaqbel maċ-ċkejkna u għalhekk setgħet issir l-operazzjoni li ħadet bosta sigħat.