B’nefqa ta’ ħames miljun ewro għall-kunsilli lokali u dawk reġjonali tniedew diversi skemi ġodda li mis-sena d-dieħla se jgħollu l-livell tal-għajxien tar-residenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li l-għan ewlieni ta’ dawn l-iskemi huwa li tinħoloq iżjed inklużjoni u innovazzjoni. Dan hekk kif hemm skemi dwar l-inklussività filwaqt li oħrajn jittrattaw żieda fl-aċċessibilità u l-mobilità sabiex b’hekk jiġi żgurat li kull spazju fil-lokalitajiet ikunu aċċessibbli għal kulħadd.
Se jsiru wkoll skemi li se jkomplu jsaħħu l-komunitajiet u li huma favur l-ambjent, it-tnaqqis tal-iskart u l-ħarsien tal-annimali u se jkun hemm ukoll skemi li se jżidu l-użu tat-teknoloġija fil-lokalitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis qal li llum il-ħidma u l-importanza tal-Gvern Lokali huma rikonoxxuti minn kulħadd.
Semma li l-nefqa totali għall-ħidma tal-kunsilli lokali issa taqbeż il-ħamsin miljun ewro.
Minbarra li qed jingħataw żidiet finanzjarji, il-kunsilli lokali u reġjonali issa ngħataw l-istima li jixraqilhom.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis qal li “Dawn l-iskemi qegħdin hemmhekk biex iħarsu l-ambjent, il-persuni b’diżabilità, aċċessibilità aħjar għall-anzjani tagħna u nagħmlu bidla fil-lokalitajiet tagħna. Aħna rridu naraw li l-lokalitajiet tagħna jkunu lokalitajiet ta’ eċċellenza u l-ħsibijiet tagħna wkoll huma li anka dawk il-lokalitajiet li jipparteċipaw naħseb li wasal iż-żmien li jieħdu l-premju ta’ li jkunu l-iktar lokalitajiet nodfa, l-iktar lokalitajiet li jħaddru, l-iktar lokalitajiet li huma aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.”
Parnis qal li l-għan ewlieni tal-Kunsilli Lokali huwa li jservi lir-residenti u huwa għalhekk li l-impenn tagħhom għandu jkun li jagħtu servizz ta’ eċċellenza.