Mit-Tnejn filogħdu daħlu fis-seħħ devjazzjonijiet ġodda fit-tarf ta’ Triq tal-Barrani sabiex ikun jista’ jitkompla l-proġett tal-mini li se jkunu qed jgħaddu minn taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija.
Filfatt għal dawn ix-xhur li ġejjin dawk li minn Triq tal-Barrani jkunu għadejjin fid-direzzjoni lejn Santa Luċija jridu jgħaddu minn minn Santa Luċija sabiex jibqgħu sejrin lejn Triq Ħal Luqa u Triq Garibaldi.
Kif jixhed il-filmat ġaladarba jidħlu f’din il-lokalità, il-vetturi se jkunu jistgħu jgħaddu mit-triq ewlenija sabiex jerġgħu joħorġu fi Vjal Ħal Luqa.
Raphael Abdilla li huwa l-perit responsabbli mill-proġett spjega li f’Santa Luċija saru diversi arranġamenti tat-traffiku sabiex jiffaċilita l-moviment tal-vetturi minn mad-dawra tar-raħal.
Il-Perit Abdilla kompla jispjega li din il-fażi hija kruċjali għall-proġett tal-mini l-ġodda ta’ taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija u l-proġett li jinsab għaddej fil-Marsa.
“Bażikament dan l-għeluq qed jingħalaq minħabba żewġ proġetti. Għandek Santa Luċija u għandek il-marsa. Qed isir xogħol taż-żewġ mini, biex jinbidlu l-cables u jiġu mgħoddijin minn ġo culverts allura l-ewwel xogħol li se naraw huwa l-punt tat-tgħaqqida tal-cables l-ġodda flok l-antiki. U aktar ‘il quddiem se jkollna bżonn ibaxxu t-triq biex nibdew il-mini l-ġodda.”
Abdilla spjega li dawn id-devjazzjonijiet tfasslu b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex ġie assigurat li jkun hemm l-aħjar aċċess u ħruġ għar-residenti bl-inqas inkovenjent possibbli.
Infrastructure Malta qed tipprovdi shuttle service għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi bejn Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. Dan is-servizz ser ikun ipprovdut mit-Tnejn sas-Sibt, bejn it-8.00 u l-11.00 ta’ filogħdu kif ukoll bejn l-4.00 u s-7.00 ta’ filgħaxija.
Minbarra l-mini għas-servizzi se jinbnew ukoll ġibjun u jitpoġġew 2.7 kilometri ta’ katusi għall-ġbir tal-ilma tax-xita.
Il-korsija ġdida għar-roti ta’ madwar kilometru se tkun parti minn rotta ferm itwal u sigura li se jkun hemm għar-roti f’din iż-żona u li se tgħaqqad Ħal Luqa, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid u l-Marsa.
Ara l-aħħar dettalji kif spjegati f’One Breakfast.