BIL-FILMAT: Analiżi indipendenti turi li m’hemm ebda kunflitt li deputati jkollhom ħatriet mal-Gvern – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Analiżi indipendenti turi li m’hemm ebda kunflitt li deputati jkollhom ħatriet mal-Gvern

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll il-liġijiet ta’ pajjiżna ma jpoġġux lil membri parlamentari f’xi tip ta’ kunflitt jekk dawn jieħdu xi ħatra mal-Gvern.

Hekk tikkonkludi analiżi li tmexxiet mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fuq talba tal-Prim Ministru f’Lulju li għadda wara l-publikazzjoni ta’ rapport mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar membri parlamentari li jkollhom kuntratti mal-Gvern.

L-analiżi kienet iggwidata b’pariri legali anki minn espert Kostituzzjoni.

“Il-pariri legali li għandna kemm tal-A.G kif ukoll tal-Professur Ian Refalo huwa ċar li ma jmorrux kontra l-Kostituzzjoni.”

Is-Sur Cutajar qal li l-analiżi turi li l-Kostituzzjoni ma tipprojbixxix  membri parlamentari milli jkollhom ingaġġi mal-Gvern, tant li l-Kostituzzjoni stess tagħti lok li uffiċjali pubbliċi jistgħu jkollhom siġġu parlamentari u tagħti setgħa lill-Parlament li jilleġiżla u jneħħi iktar projbizzjonijiet.

Is-Sur Cutajar elenka wkoll każijiet sa minn qabel l-Indipendenza fejn membri parlamentari tqegħdu fuq bordijiet ta’ entitajiet pubbliċi.

Mill-analiżi joħroġ ukoll li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma għamel l-ebda distinzjoni bejn is-servizz pubbliku permanenti u ingaġġi temporanji bħal dawk fuq bażi ta’ fiduċja.

Hawnhekk ukoll il-Kap taċ-Ċivil saħaq li dwar ingaġġi temporanji fuq bażi ta’ fiduċja, m’hemm xejn kontra l-Kostituzzjoni.

“Il-pariri legali li għandna u r-riċerka li għamilna, li le ma jmorrux kontra l-kostituzzjoni.”

Is-Sur Cutajar spjega wkoll li l-analiżi tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar nuqqasijiet fis-sistema eżistenti.

Fosthom dwar ingaġġi fuq bażi ta’ fiduċja, analiżi iktar fil-fond ta’ entitajiet pubbliċi u f’liema bordijiet jistgħu jservu persuni li jkunu membri parlamentari u emendi għall-kodiċi ta’ etika għall-impjegati fis-settur pubbliku u għall-membri tal-bordijiet.

“Għandha ssir anke liġijiet li jikkonċernaw il-persons of trust. Qed ngħidu li għandna nħarsu wkoll lejn l-entitajiet kollha tal-Gvern u wieħed jiddetermina x’ikunu dawk il-prinċipji li jiddeterminaw jekk membru parlamentari għandux ikun fuq il-bord tad-diretturi ta’ dik l-entità partikolari jew le.”

L-analiżi ġiet ippreżentata lill-kabinett li laqa’ din il-pożizzjoni. Il-Grupp Parlamentari tal-Gvern ukoll tratta u addotta din il-pożizzjoni.

Dan filwaqt li t-Tlieta l-Kumitat Permanenti Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, se jittratta din l-analiżi fuq talba tal-Whip tal-Gvern Byron Camilleri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend