Malta tfakkar Jum it-Tifkira – One News

Notifiki

Malta tfakkar Jum it-Tifkira


Il-Ħadd filgħodu Malta ngħaqdet ma’ pajjiżi tal-Commonwealth biex ifakkru Jum it-Tifkira, u l-ħmistax-il miljun persuna li tilfu ħajjithom tul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Dan kollu jum biss qabel l-anniversarju ta’ meta l-Gwerra l-Kbira ntemmet mat-tokki tal-11, tal-11-il jum tal-11-il xahar tal-1918.

Il-President George Vella ntlaqa’ fi Pjazza San Ġwann il-Belt mill-kap kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi u wara d-daqq tal-innu Malti l-President spezzjona l-gwardja tal-unur.

Wara saret ċelebrazzjoni liturġika mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi. Preżenti għall-quddiesa kien hemm d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u numru ta’ Ministri u Deputati Parlamentari. Kien hemm ukoll diversi membri tal-ġudikatura u t-tmexxija tal-Forzi tal-Ordni.

Fl-omelija, l-Isqof Awżiljarju fakkar ukoll fit-30 anniversarju mill-waqa’ l-ħajt ta’ Berlin u sostna li għandna niftakru fl-imgħoddi mhux biex nieqfu hemm jew biex b’xi mod nimtlew b’mibegħda kontra min ħoloq tant ħsara, imma biex nitgħallmu minn dawn l-esperjenzi tragiċi.

L-Isqof Awżiljarju, Joseph Galea Curmi sostna: “Il-paċi hija wkoll frott tal-imħabba, li tiġi minn qalb li hi serena ħarsu ftit lejn il-midja soċjali li tant tgħandha importanza u li toffri li wieħed ixerred esperjenzi sbieħ imma kultant hija l-post li min ikollu l-mibegħda, jxerridha b’għajn għalih innifsu mal-erbat irjieħ tad-dinja.”

Wara l-quddiesa saret parata mill-membri tal-Forzi tal-Ordni u membri tal-British Legion fejn it-tmexxija tal-pajjiż, ambaxxaturi u mistiednin distinti poġġew bukketti tal-fjuri mal-monument tal-gwerra fil-Furjana.

Ajruplan tal-Forzi Armati għamel flypast minn fuq il-parata u tellaq ammont ta’ pepprin, l-fjura li tisimbolizza dan il-jum.

Wara l-quddiesa mistennija ssur ċelebrazzjoni biswit il-monument tal-gwerra li matulha l-ogħla tmexxija tal-pajjiż mistennija tpoġġi l-fjuri ma’ dan il-monument.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend