Malta fost l-aħħar għas-sehem tan-nisa fil-Parlament – One News

Notifiki

Malta fost l-aħħar għas-sehem tan-nisa fil-Parlament


Rapport internazzjonali ppubblikat fl-aħħar jiem jagħti prova oħra ta’ kemm hemm bżonn li tittieħed azzjoni mmedjata u effettiva biex jiżdied is-sehem tan-nisa fil-politika, partikolarment fil-Parlament Malti.

Fil-fatt, jirriżulta li Malta għandha t-tielet l-inqas rata ta’ nisa fil-Parlament meta mqabbla ma’ 41 pajjiż ieħor, partikolarment dawk Ewropej u oħrajn viċin.

Ir-rapport tal-Council of European Municipalities and Regions jidħol f’dettall liema bħalu u jgħid li jekk jibqa’ ma jsir xejn biex is-sitwazzjoni tittranġa hemm bżonn ta’ iktar minn 107 snin biex in-nisa jkunu rappreżentati daqs l-irġiel.

Bit-titlu ‘Women in Politics: Local and European Trends’ ir-rapport jindika li l-medja Ewropea hi ta’ 28.5 ta’ rappreżentanza femminili fil-Parlamenti Nazzjonali.

Iżda, f’Malta din tinżel għal 14.9%. Huma biss l-Ukraina u l-Ungerija li qegħdin f’sitwazzjoni agħar minn ta’ pajjiżna.

Anke fejn jidħlu l-Kunsilli Lokali Malta ma tantx tmur tajjeb. Fil-fatt pajjiżna hu tmien pajjiż mill-aħħar fejn tidħol rappreżentanza femminili fuq livell lokali, għalkemm fl-aħħar elezzjonijiet lokali kien hemm xi titjib b’żieda ta’ madwar 4%.

Ir-rapport janalizza x’qiegħed isir madwar l-Ewropa biex is-sitwazzjoni titranġa u juri li fejn ittieħdu miżuri l-affarijiet bdew imorru għall-aħjar.

F’Malta wkoll il-gvern qed jipproni riforma kbira li żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika.

Fejn wara perjodu ta’ konsultazzjoni issa hemm kumitat tekniku li qed iħejji l-bidliet finali li fiż-żmien li ġej mistennija jitressqu fil-Parlament. Dak propost sa issa li hu mekkaniżmu korrettiv differenti mill-kwoti diġa’ kiseb ukoll it-tifħir ta’ entitajiet internazzjonali.

Fl-istess ħin il-Partit Laburista għaddej bil-programm LEAD biex isaħħaħ il-kandidatura femminili tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend