Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ma’ Ministri Ewropej oħra f’kommemorazzjoni tat-30 anniversarju tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin – One News

Notifiki

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ma’ Ministri Ewropej oħra f’kommemorazzjoni tat-30 anniversarju tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, nhar is-Sibt ingħaqad ma’ Ministri għall-Affarijiet Barranin oħra tal-Unjoni Ewropea għal riċeviment uffiċjali li kkommemora t-30 anniversarju tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. Ir-riċeviment, li għalih attenda wkoll l-Aġent Assistent Segretarju tal-Istat fil-Bureau tal-Affarijiet Ewropej u Ewrasjatiċi tal-Istati Uniti, Philip T. Reeker, saret f’Berlin u ospitah il-Ministru Federali tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż, Heiko Maas.

“Il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin kienet kisba storika sinifikanti mhux biss għall-Ġermanja iżda wkoll għar-reġjun Ewropew kollu, għax xprunat il-bidu ta’ era ġdida għall-Ewropa kkaratterizzata mill-libertà u d-demokrazija,” kiteb il-Ministru Abela f’ittra lill-kontraparti Ġermaniż tiegħu għal din l-okkażjoni. “Ir-relazzjonijiet bilaterali mill-aqwa ta’ Malta mal-Ġermanja, li jmorru lura għal ħafna snin, dejjem kienu mnebbħin minn dawn l-istess valuri demokratiċi Ewropej u fuq l-impenn taż-żewġ pajjiżi biex is-sliem u l-istabbiltà jsaltnu mhux biss fir-reġjun iżda wkoll madwar id-dinja kollha.”

Wara r-riċeviment uffiċjali, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin preżenti kienu l-mistednin tas-Sindku tal-Berlin, Michael Müller, għal ċerimonja u kunċert minn artisti Ġermaniżi u internazzjonali li ġew organizzati mill-Belt ta’ Berlin quddiem il-Bieb ta’ Brandeburgu, wieħed mill-aktar monumenti emblematiċi tal-Ġermanja. Il-lista tal-kelliema waqt dan l-avveniment, li għalih attendew il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel, dinjitarji oħrajn, u eluf ta’ nies, kienet tinkludi lill-President Federali Ġermaniż, Frank-Walter Steinmeier.

F’Berlin, il-Ministru Abela kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għal-Ġermanja, Dr Albert Friggieri, li miegħu għamel żjara f’sezzjoni tal-Ħajt ta’ Berlin li għadha wieqfa. Filwaqt li rrimarka li l-bniedem mhux kapaċi biss biex itella’ l-ħitan tal-firda iżda wkoll biex iġarrafhom, huwa fakkar f’kif, ftit ġimgħat biss wara li waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin, il-mexxejja tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Sovjetika ta’ dak iż-żmien, George H.W. Bush u Mikhail Gorbachev, kellhom Laqgħa Għolja f’Malta li matulha ġiet fi tmiemha uffiċjalment il-Gwerra l-Bierda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend