Tliet persuni – żewġt irġiel u mara – li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 u t- 28 sena, ilkoll residenti l-Belt Valletta, kienu arrestati waqt ħidma oħra mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Fil-karozza li kienu fiha, instab madwar kilo kokaina.
Assititi minn membri tar-Rapid Intervention Unit, tard il-Ħamis filgħaxija, it-tliet persuni li kienu f’karozza Toyota Vitz, twaqqfu mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga fi Triq it-Tin, f’Ħal Qormi.
Wieħed mil-irġiel, li huwa ta’ nazzjonalita’ Libjana kien qed isuq il-vettura l-imsemmija. Meta il-Pulizija ċċirkondaw il-vettura, ix-xufier irriversja għal fuq il-vettura tal-Pulizija, ħareġ mill-karozza u ħarab minn fuq il-post. Huwa ġie arrestat wara tfittxija għalih.
Iż-żewġ passiġieri – ġuvni u tfajla Maltin – li kienu miegħu fil-karozza ġew arrestati minnufih fuq il-post. Saret tfittxija fil-vettura u nstabet blokka sustanza bajdanija, allegatament kokaina b’piż ta’ madwar kilo.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima LLd. ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jgħinu fl-inkjesta maġisterjali.
It-tliet persuni arrestati ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.
Fortunatament ħadd ma ndarab f’dan il-każ.