Miriam Dalli responsabbli mill-politika Soċjalista dwar Green New Deal Ewropew – One News

Notifiki

Miriam Dalli responsabbli mill-politika Soċjalista dwar Green New Deal Ewropew

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli se tmexxi l-politika tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi favur mudell ekonomiku ġdid li jiżgura l-kompetittività u l-ħarsien tal-ambjent bħala parti mill-Green New Deal tal-Unjoni Ewropea. L-MPE Dalli ġiet fdata b’dan ir-rwol minħabba r-rekord tagħha fil-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet fejn kien vitali li tiżgura l-kompetittività, l-integrità ekonomika u l-ħarsien tal-ambjent.

Bħala l-Viċi President responsabbli għal dan il-portafoll, Miriam Dalli se tkun qed taħdem fuq Politika Industrijali ġdida li tiżgura l-innovazzjoni, il-protezzjoni soċjali, il-kompetittività ekonomika u l-integrità tal-klima.
“Il-Green New Deal Ewropew se jkun il-prijorità tagħna għas-snin li ġejjin. Bħala Soċjalisti u Demokratiċi se nkomplu naħdmu biex niżguraw li t-trasformazzjoni ekonomika li hija meħtieġa tiżgura l-kompetittività tal-industriji tagħna u tipproteġi l-ħaddiema tagħna. Li niżguraw transizzjoni xierqa toffrilna opportunità ta’ negozju li l-ekonomiji tagħna għandu jkollhom filwaqt li niżguraw li ħadd ma jibqa’ lura,” qalet Miriam Dalli.

Bħala parti mill-portafoll tagħha, Miriam Dalli se tkun qed tikkoordina l-ħidma dwar l-ewwel liġi Ewropea dwar il-Klima, li l-President-elett għall-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tintroduċi fl-ewwel 100 jum tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Din il-liġi dwar il-Klima se tkun qed tistabbilixxi l-bażi għall-ambizzjoni fit-tul biex tinkiseb in-newtralità tal-karbonju sal-2050 u l-miri ta’ nofs it-terminu għall-2030. L-S&D qed jimmiraw għal 55%.

Dr Dalli se tissorvelja ix-xogħol relatat mal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta li għandu jitwaqqaf biex jgħin lill-ħaddiema jkunu ppreparati għal tibdiliet li jistgħu jseħħu f’ċerti industriji, partikolarment dawk li jużaw ħafna enerġija. Miriam Dalli diġà rnexxielha twaqqaf Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta fir-regolament li jistabbilixxi l-istandards għall-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief.

“Li nipproteġu l-ħaddiema hi l-prijorità tagħna. Bħala parti mix-xogħol tiegħi se naħdem fuq strateġija trasversali biex nimxi lejn ekonomija li taħdem b’inqas emissjonijiet. Dan jista’ jgħinna bħala kontinent biex nibqgħu kompetittivi u fl-istess ħin niżguraw li nerġgħu nkabbru l-forza tax-xogħol attwali tagħna. Dan huwa wkoll dwar l-edukazzjoni taż-żgħażagħ biex ikunu ppreparati għall-ekonomiji tal-ġejjieni,” saħqet Miriam Dalli.

Il-MPE Maltija se tkun ukoll responsabbli mill-politika agrikoli u tas-sajd, inkluż approċċ ġdid għal Ekonomija Blu sostenibbli. Dalli se tkun qed taħdem fuq strateġija tal-S&D għal Finanzjament Ekoloġiku u fuq l-istrateġija tal-grupp biex ikun indirizzat l-faqar enerġetiku.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista ġiet fdata ukoll bis-superviżjoni ta’ politika relatata mal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta’ l-Ikel; l-emissjonijiet mill-mezzi ta’ trasport differenti; il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali; il-Kumitat tas-Sajd u s-Settur tal-Enerġija.

Miriam Dalli hija wkoll il-Viċi President għall-Komunikazzjonijiet tal-Grupp S&D.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend