Mill-Amerika, għall-Indja u għexieren ta’ pajjiżi oħra. Nas Daily mhux isem ġdid għall-Maltin hekk kif mhux l-ewwel darba li ssemma fil-midja u l-midja soċjali wara ż-żewġ żjariet tiegħu fil-Gżejjer Maltin.
Nas Daily hu vjaġġatur li jdur id-dinja minn pajjiż għal ieħor bil-għan li jiltaqa’ ma’ nies differenti bi stejjer varji u minn hemm jgħarraf lid-dinja dwar persuni li huma ta’ ispirazzjoni.
Minn għaxar segwaċi li kienu jikkonsistu fi qrabatu u sħabu, illum il-ġurnata l-paġna ta’ Facebook tiegħu għandha ‘l fuq minn erbatax-il miljun segwaċi li ta’ kull ġimgħa jkunu qed jistennew filmati bi stejjer varji li ltaqa’ magħhom minn madwar id-dinja.
Kiseb il-fama bil-frażi “That’s 1 minute, see you tomorrow”, dan hekk kif il-filmati tiegħu kienu jkunu biss ta’ minuta u għal jum wara ieħor kien itella’ filmat dwar persuni, postijiet u diversi suġġetti li ltaqa’ magħhom waqt il-vjaġġi tiegħu biex fl-1,000 jum għażel lil Malta biex jagħlaq dan il-proġett.
Nas Daily, li ismu proprja huwa Nuseir Yassin, kien spjega kif għażel lil Malta biex jagħlaq dan il-proġett tiegħu wara li għamel l-ewwel żjara tiegħu f’Malta u sar jaf kemm Malta għandha karatteristiċi mill-isbaħ, b’nies interessanti u qalbiena u postijiet mill-isbaħ li trid seba’ għajnejn biex tħares lejhom. Filfatt waqt l-ewwel żjara tiegħu, Nas kien magħruf ma’ ftit min-nies Maltin li kienu jsegwuh biex fi ftit jiem spiċċa għamel avveniment imsejjaħ “Oh My Malta,” b’eluf ta’ Maltin u turisti attendew bi ħġarhom.
Wara dan il-proġett, iddeċieda biex jiddokumenta kollox fi ktieb imsejjaħ “Around the World in 60 Seconds”, fejn fih iddokumenta l-elf jum u ż-żjariet tiegħu f’64 pajjiż madwar id-dinja fejn fost dawn il-pajjiżi nsibu lil Malta.
Fil-ktieb jissemma Salvu, ir-raġel li jgħix u jieħu ħsieb lill-Kemmuna iżda dan mhux biss hekk kif insibu wkoll ir-Rotunda tal-Mosta u anke l-vapur li kien spiċċa inkaljat fil-Qawra.
Bi kliem mill-isbaħ dwar il-gżejjer Maltin, Nas għalaq il-ktieb bl-elf jum – il-jum li fih għalaq dan il-proġett b’avveniment mill-isbaħ f’Malta fejn għalih attendew diversi persuni fosthom Maltin u Għawdxin, turisti u anke persuni famużi fuq il-midja soċjali.