L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lbieraħ għalaq il-ġimgħa billi laqa’ l-ewwel titjira u passiġġieri minn Niš, u b’hekk inawgura wkoll it-tieni konnessjoni diretta bejn Malta u s-Serbja.
It-titjiriet lejn Niš, li hija t-tielet l-akbar belt fis-Serbja, ser ikunu qed jiġu operati mil-linja tal-ajru Ryanair kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa. Din l-iskeda tagħmel id-destinazzjoni ideali għal dawk li jkunu qed ifittxu vaganza qasira.
Peress li hija waħda mill-eqdem bliet fl-Ewropa, Niš għandha ħafna x’toffri lil dawk li jħobbu l-istorja u l-arkeoloġija. Mill-fdalijiet tal-palazz fuq stil Ruman ta’ Kostantinu l-Kbir sa binjijiet li ilhom weqfin miż-żmien meta l-Ottomani kienu jaħkmu l-belt, Niš għandha saffi differenti ta’ storja li kollha jikxfu passat kemxejn turbulenti.
Niš hija magħrufa wkoll għall-banjijiet termali tagħha li jinsabu f’qiegħ il-katina ta’ muntanji Suva Planina. Suva Planina hija waħda mill-aktar postijiet popolari fis-Serbja għall-paragliding u hija mfittxija wkoll minn dawk li huma dilettanti tal-iskijjar fix-xhur tax-xitwa.