Naswan Morat ta’ 29 sena, Keith Micallef ta’ 28 sena u Shaian Bakoush ta’ 21 sena lkoll mill-Belt inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati b’pussess u traffikar ta’ droga kokaina. Morat waħdu kien akkużat ukoll li għamel ħsara fuq vetturi, proprjetà ta’ terzi u li kien riċediv u li kien fil-pussess ta’ droga kannabis. Micallef waħdu kien akkużat li kien riċediv.
L-ispettur Anthony Scerri li mexxa l-prosekuzzjoni spjega kif il-każ seħħ il-Ħamis li għadda meta t-taqsima ta’ kontra d-droga rċeviet tagħrif dwar aġir suspettuż viċin pompa tal-petrol f’Ħal Qormi. Hekk kif il-Pulizija avviċinat il-karozza Morat irriversja fuq il-vettura tal-Pulizija bil-konsegwenza li din ġarrbet ħsarat konsiderevoli. Huwa ħarab minn fuq il-post, filwaqt li ż-żewg imputati l-oħra ġew arrestati minnufih. Morat ġie arrestat ilbieraħ fil-Mellieħa.
It-tliet akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Shaian Bakoush talbet għall-ħelsien mill-arrest, bl-avukat Franco Debono jispjega li l-fedina penali tagħha għadha nadifa filwaqt li nnota l-fatt li l-imputata għadha żgħira fl-età.
Min-naħa l-oħra l-ispettur Scerri spjega li r-reat akkużata bih l-imputata huwa wieħed ta’ natura gravi u l-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin fosthom biex jiġi stabbilit kif ġiet akkwistata d-droga. Semma wkoll li dan hu tip ta’ każ ta’ kriminalità organizzata.
Wara li qieset l-argumenti l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Dan għaliex il-Qorti qalet li mhix konvinta mill-affidibilità tal-imputata u minħabba l-gravità tar-reati akkużata bihom.
Għal Micallef dehret l-avukat Raisa Colombo, filwaqt li għall-imputati dehru wkoll l-avukati Amadeus Cachia u Marion Camilleri.