Ħidma mill-Iskwadra tal-Administrative Law Enforcement (ALE) wasslet għas-sejba ta’ 53 tajra mejta, il-parti ‘l kbira minnhom protetti f’ħanut fil-Mosta u ammont ieħor ta’ tajr ibbalzmat f’residenza privata fil-Mosta ukoll.
Illum, għall-ħabta tan-nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li intlemaħ raġel dieħel f’ħanut fi Triq Gużeppi Callus, il-Mosta u allegatament kellu fil-pussess tiegħu tajra protetta bil-liġi – ajkla.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u minn tfitxijiet li saru, ġew elevati 53 tajra mejta li kienu fi friża fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ħanut fosthom ajkli, ċikonji u papri.
Fi tfittxija oħra li saret fir-residenza tar-raġel, li għandu 32 sena, fil-Mosta, instab ammont ieħor ta’ tajr ibbalzmat.
It-tajr kollu ġie kkonfiskat u r-raġel qed jgħin fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija li għadhom għaddejjin.