Fl-aħħar tmint jiem kienu bosta li bdew jistaqsu jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat għandux xi dehra ġdida. U dan mhux f’Malta biss!
Fil-fatt fl-aħħar avvenimenti pubbliċi tiegħu, Muscat beda jidher fil-pubbliku kemxejn differenti mis-soltu meta beda jħalli l-leħja ma’ wiċċu. Iżda qajla ntebħu li l-Ħadd li għadda Joseph Muscat u martu Michelle qalu li għal Novembru kien se jkabbar il-leħja flok iħalli l-mustaċċi biex jagħti l-appoġġ tiegħu għall-kampanja Movember mill-Fondazzjoni Marigold.
Kampanja li għandha l-għan li tqajjem kuxjenza fost l-irġiel biex jiġu eżaminati kontra l-kanċer tal-prostata. Skont sorsi ta’ min jorbot fuqhom, jidher li l-ġest tal-Prim Ministru qed iħalli l-frott għax ma’ kull min qed jiltaqa’, kulħadd qed jistaqsih x’qed jagħmel bil-leħja ma’ wiċċu.
Inkluż il-Prim Ministru Portugiż li waqt laqgħa barra minn xtutna deher jispjegalu li din hija parti mill-kuxjenza li jrid iqajjem dwar il-kanċer fl-irġiel.
Sadanittant jidher li se nerġgħu naraw lill-Prim Ministru mingħajr lejħa fil-bidu tax-xahar id-dieħel.