Tnedija ta’ żewġ proġetti għar-riabilitazzjoni ta’ widien kofinanzjati minn fondi Ewropej – One News

Notifiki

Tnedija ta’ żewġ proġetti għar-riabilitazzjoni ta’ widien kofinanzjati minn fondi Ewropej

B’investiment ta’ €1,300,000 se jsir xogħol ta’ rijabilitazzjoni fuq Wied Għajn Riħana li jinsab bejn il-Mosta u l-Bidnija, u Wied Liemu bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli.

Bl-istaġun tal-ħarifa dieħel ġmielu u f’temp mill-isbaħ għal mixja fil-kampanja, il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ħabbar li se jiġi rrijabilitat Wied Rihana fejn se jsir restawr u bini mill-ġdid ta’ 5,000 metru ta’ ħitan tas-sejjieħ.

F’dan il-wied li joffri veduti mill-isbaħ u li wara sajf niexef reġa’ beda jieħu l-ħajja bix-xita li niżlet fl-aħħar ġimgħat se jsir investiment ta’ €1,100,000 biex jiġi installat poġġaman tal-injam u ssir sistema tat-tisqija tal-ilma.

Il-Ministru Herrera qal li f’dan il-wied se jitħawlu 1,600 siġra u arbuxxella u se jsir xogħol biex l-ilma jgħaddi aħjar. Huwa spjega: “Se nirrangaw il-mod kif jghaddi l-ilma. Bħalissa qed jikkawża ħafna għargħar u jagħmel ħsara. Għaldaqstant b’dawn ix-xogħlijiet se nirranġaw dan il-wied.”

Ix-xogħlijiet fuq Wied Liemu, li ħa ismu mill-ewwel pirjol tal-Kunvent tal-Lunzjata li l-Karmelitani għandhom f’dan il-wied, se jsir b’nefqa ta’ €200,000 u se jibdew is-sena li ġejja.

Id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta Herman Galea tkellem dwar l-importanza ta’ dawn iż-żewġ proġetti u spjega x-xogħol li se jsir f’dan il-wied għammiel.

Galea sostna: “Se nagħmlu l-stess xogħlijiet. Se nħawwlu siġar f’Wied Liemu. Nirranġaw ħitan tas-sejjieħ u nagħmlu xogħol ieħor ta’ tisbiħ.”

Dawn il-proġetti ser isiru b’fondi Ewropej. Bil-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis tkellem dwar l-importanza li fondi Ewropej jintużaw għal dan l-iskop.

Il-Ministru Zammit Lewis sostna: “Gawdew minn proġett agro ambjentali bis-saħħa tal-MEUSAC ukoll li ħadmu flimkien biex jingħataw dawn il-fondi, għal proġetti bħal dawn.”

Huwa qal li ladarba jitlesta x-xogħol, il-widien se joffru spazju ieħor miftuħ u sigur għall-familji Maltin u Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend