Minn Jannar sa Ottubru għaddew mill-ajruport 6,339,731 passiġġier – One News

Notifiki

Minn Jannar sa Ottubru għaddew mill-ajruport 6,339,731 passiġġier


Matul l-iskeda tas-sajf jiġifieri bejn April u Ottubru l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ra żieda ta’ 7.7% fit-traffiku ta’ passiġġieri.  Dan filwaqt li l-ajruport laqa’ aktar minn 6,800,000 passiġġier bejn Jannar u x-xahar li għadda.  Din hija żieda ta’ 6.7% meta mqabbel mal-istess xhur is-sena li għaddiet.  Din l-istatistika tindika li l-probabilità hija li l-ajruport jagħlaq din is-sena b’rekord ta’ traffiku hekk kif mistenni jlaħħaq is-seba’ miljun passiġġier. 

Fi stqarrija maħruġa mill-ajruport internazzjonali ta’  Malta ġie innutat ukoll tkabbir ta’ 5.6% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 6.8% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet lejn Malta.

Ix-xahar ta’ Ottubru li ġab fi tmiemu l-istaġun tas-Sajf għall-iskeda tal-ajru, irreġistra tkabbir ta’ 8.8% biex b’hekk għall-ewwel darba qabeż is-7,000 moviment tal-passiġġieri.

L-akbar żieda rreġistrata ta’ wasliet bejn April u Ottubru meta mqabbla mal-istess xhur is-sena l-oħra ġiet mis-suq Ġermaniż, bi 17.3%.

Segwiet Spanja b’9.3% u Franza bi 8.4%.

Dan filwaqt li t-turisti mill-Italja u r-Renju ma naqsux jiżdiedu lejn il-mitjar ta’ Malta hekk kif ġiet irreġistrata żieda ta’ ftit aktar minn tlieta fil-mija minn kull pajjiż.

Fl-istqarrija il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg saħaq kif issa l-iskeda tax-Xitwa ser tkompli tagħmel lil Malta aċċessibli għat-turisti anke f’dan l-istaġun filwaqt li żżid l-għażla għall-vjaġġaturi Maltin.

Fiż-żmien li ġej l-ajruport mistenni jilqa’ wkoll l-ewwel titjiriet tal-Malta Air lejn Paphos f’Ċipru, Trieste fl-Italja u Santiago de Compostela fi Spanja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend