Il-Presepju Malti se jkun għal wiri f’Villaġġ tal-Milied fi Vjenna – One News

Notifiki

Il-Presepju Malti se jkun għal wiri f’Villaġġ tal-Milied fi Vjenna

Wara li kien għal wiri fil-Pjazza tal-Vatikan fl-2016, fil-Pjazza tal-Maxtura ġewwa Betlem fl-2017 u ġewwa l-Belt Valletta bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Belt Kapitali Ewropea 2018, il-presepju artistiku Malti issa ser ikun għal wiri fil-Villaġġ tal-Milied, tal-Kampus tal-Università ta’ Vjenna. 
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici aċċenna għal fatt li b’dan il-mod, għal darb’ oħra qegħdin inwasslu l-kultura tagħna lil hinn minn xtutna. “Din se tkun opportunità oħra kbira biex il-ħila tal-artisti Maltin tintwera f’post ċentrali fejn kull sena mas-600,000 persuna minn Vjenna u eluf oħra ta’ turisti u nies lokali li jżuru dan is-Suq tal-Milied, li hu wieħed mill-akbar fl-Awstrija. Dan huwa x-xogħol li qegħdin nagħmlu biex inkomplu nsaħħu d-diplomazija kulturali, kif ukoll nipprovdu pjattaforma internazzjonali usa’ għall-artisti tagħna.”


Bonnici ħabbar ukoll li waqt l-inawgurazzjoni tal-Presepju Malti, l-ewwel kor nazzjonali ta’ pajjiżna – KorMalta – se jkun qiegħed ikanta għanjiet tradizzjonali tal-Milied.

L-ambjent tal-post ġo Vjenna, kif ukoll it-temp kien jitlob li jkun hemm modifikazzjoni strutturali min dik kif ġie immontat fit-tliet snin ta’ qabel. Għalhekk, ser jinżammu ħafna mill-istatwi orġinali li ġew maħluqa u mlibbsa mill-artist Għawdxi Manwel Grech.

Ix-xenarju ċentrali fejn twieled Ġesù Bambin ġie maħluq mill-ġdid u ngħata dehra aktar tipika ta’ presepju Malti. Il-grotta ġiet disinjata u manifatturata mis-Sur Jennings Falzon bl-għajnuna tas-sur Norman Hill. Huma ħadmu taħt il-gwida u bis-sehem ta’ uffċċjali mid-Direttorat tal-Kultura mmexxija Emanuel Vella u l-Perit Paul Buhagiar u Herbert Debattista.

Il-presepju Malti ser jiġi nawgurat fil-15 ta’ Novembru mill-E.T. il-President ta’ Malta George Vella fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici. Is-Sindku ta’ Vjenna, Dr Michael Ludwig huwa mistenni li jattendi wkoll. Din l-inizjattiva ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-assistenza u l-għajnuna tal-E.T. Natasha Meli-Daudey, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta ġewwa l-Awstrija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend