Il-ħaddiema fis-settur privat żdiedu bi 11,069 sal-aħħar ta’ Mejju – One News

Notifiki

Il-ħaddiema fis-settur privat żdiedu bi 11,069 sal-aħħar ta’ Mejju


L-għada li l-Kummissjoni Ewropea qalet fit-tbassir ekonomiku tagħha li Malta se jkollha fost l-inqas rati ta’ qgħad fl-Ewropa fis-sentejn li ġejjin, ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li sal-aħħar ta’ Mejju li għadda l-impjiegi full-time żdiedu b’5.8% meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena li għaddiet.

Dan ifisser li sal-aħħar ta’ Mejju li għadda, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna qabżu l-218,122.

Skont iċ-ċifri pprovduti mill-Aġenzija tax-Xogħol JobsPlus jirriżulta li bejn Mejju tas-sena l-oħra u Mejju li għadda, l-impjiegi fis-settur privat żdiedu bi 11,069.

Iċ-ċifri juru li l-ħaddiema fis-settur privat telgħu għal 168,512-il ruħ filwaqt li fis-settur pubbliku kien hemm ftit anqas minn 48,000 ruħ.

Imqabbel ma’ Mejju tas-sena l-oħra, l-aktar żidiet kienu fl-oqsma professjonali u xjentifiċi b’żieda ta’ aktar minn 2,000 ruħ u fl-oqsma tas-servizzi b’żieda aktar minn 1,700.

L-NSO żied jgħid li l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom komplew jiżdiedu tant li f’perjodu ta’ 12-il xahar żdiedu bi kważi 1,500.

L-istatistika turi wkoll li waqt li s-suq tax-xogħol kellu żieda totali ta’ aktar minn 11,900 ruħ, fl-istess waqt il-persuni qiegħda naqsu b’122 ruħ.

Joħroġ ukoll li s-suq tax-xogħol kellu wkoll żieda ta’ kważi 1% fil-ħaddiema rreġistrati b’xogħol part-time.

Mir-rekords amministrattivi tal-aġenzija tax-xogħol joħroġ ukoll li f’Mejju li għadda, il-ħaddiema li kellhom impjieg full-time u part-time żdiedu bi kważi 10 fil-mija u telgħu qabżu d-29,000 ruħ u ftit aktar minn 35,000 oħra kellhom part-time biss bħala x-xogħol regolari tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend