ARA: Kif il-passaport se jkun aċċessibbli wkoll għall-persuni neqsin mid-dawl – One News

Notifiki

ARA: Kif il-passaport se jkun aċċessibbli wkoll għall-persuni neqsin mid-dawl

Mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla madwar 5,000 persuna neqsin mid-dawl jew li għandhom problema fil-vista tagħhom se jibdew igawdu minn servizz ġdid u bla ħlas minn Identity Malta biex il-passaport tagħhom ikun aktar aċċessibbli.

Dan permezz ta’ sticker apposta li se titwaħħal mal-passaport u li permezz ta’ app fuq il-mobile se jkunu jistgħu jisimgħu d-dettalji tas-sigurtà fuq il-passaport fosthom in-numru tal-passaport u d-data tal-ħruġ u l-iskadenza.

ONE News tkellem ma’ Joseph Vella, uffiċjal tal-Fondazzjoni għall-Aċċesibilità fit-Teknoloġija tal-Informatika, il-FITA li spjega fid-dettall kif permezz tal-kodiċi elettroniku, magħruf bħala QR CODE, il-persuni neqsin mid-dawl se jkunu jistgħu jaċċessaw weħidhom, id-dettalji tal-passaport tagħhom.

Vella spjega: “Permezz tal-mowbajl ħa jagħmel użu mill-kamera u anke mid-dawl, mill-flash tal-kamera biex jillumina sewwa, f’każ li ma jkunx hemm biżżejjed dawl biżżejjed jillumina l-paġna. Imbagħad l-app ħa tigwidani sakemm l-isticker, il-QR Code tkun fil-frame tal-camera, sewwa, li trid tidher kollha u l-camera meta tinduna li l-kundizzjonijiet huma sodisfatti trid tiġbed ritratt waħidha.”

Spjega li wara li jittieħed ir-ritratt, l-app se tikkonverti l-informazzjoni bażika fuq il-passaport f’taħdit.

Michael Micallef, persuna nieqes mid-dawl laqa’ din l-inizjattiva minn Identity Malta u ttama li tinfirex f’entitajiet oħra. Micallef sostna: “Inizjattiva tajba ħafna u nittama li din tinfirex fl-użu ta’ affarijiet oħra.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta, Anton Sevasta  qal li din l-inizjattiva hija parti mill-ħidma tal-aġenzija biex tagħmel is-servizzi tagħha aktar aċċessibbli: “Minn nhar it-Tnejn dan is-servizz se jkun available mill-Uffiċċju tal-Passaporti f’Evans Building il-Belt u min jirrikkjedi dan is-servizz se titwaħħlu sticker fuq il-passaport il-ġdid.”

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li Malta se tkun minn tal-ewwel li tagħmel il-passaporti tagħha aċċessibbli b’din it-teknoloġija, Hija stqarret: Din hija mixj apożittiva li qed tagħmel Malta fost l-ewwel fl-Unjoni Ewropea li se nkunu qegħdin noffru passaport li jkun aċċessibli għal kulħadd.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabiltà Anthony Agius Decelis qal kif din l-inizjattiva tibgħat messaġġ b’saħħtu għal pajjiżna fil-qasam tal-ugwaljanza, u tegħleb l-ostakli għal dawk f’minoranza.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend