‘Riġenerazzjoni soċjali li tfisser l-impenn tal-Gvern lejn in-nies tal-Kottonera’- il-PM – One News

‘Riġenerazzjoni soċjali li tfisser l-impenn tal-Gvern lejn in-nies tal-Kottonera’- il-PM


Riġenerazzjoni soċjali li tfisser l-impenn tal-Gvern lejn in-nies tal-Kottonera, hekk saħaq il-Prim Ministru, Dr. Joseph Muscat, waqt konferenza dwar ir-riġenerazzjoni li se ssir fil-Kottonera kif ukoll il-Kalkara.

Fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru tkellem dwar it-tneħħija tat-tankijiet għat-tindif tal-vapuri li hemm f’Fort Rikażli u li huma ġerħa għan-nies tal-Kottonera. Dr Muscat spjega kif Gvern Nazzjonalista kien qed jippjana li jċaqlaq dawn it-tankijiet f’art barra miż-żoni tal-iżvilupp f’Birżebbuġa. Sostna, li l-pjan tal-Gvern imexxi minnu huwa li jkun hemm faċilità barra mill-art.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega: “Din hija faċilità li għandu bżonn il-port sabiex jopera, u aħna qegħdin inħarsu lejn faċilità li tkun offshore, prattikament fuq vapur. S’issa li wasalna huwa li dan il-vapur ikun jista’, nixtiequ li jkun jista’ jidħol u joħroġ mill-Port il-Kbir, u mhux jibqa’ trakkat mal-moll, għax moll jiswa’ l-flus. Li inti tokkupa moll f’wieħed mill-aktar portijiet busy okkupati fl-Ewropa jiswa’ l-miljuni u allura qegħdin mexjin. Imma jien nemmen, u għalhekk ridt inserraħ moħħ in-nies tal-Kottonera, li dan huwa proġett works in progress sewwa.”

Ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera hija bbażata fuq l-aspett soċjali fejn il-Gvern qed jiffoka fuq din iż-żona b’tali mod li jisfrutta l-potenzjal enormi li għadha l-Kottonera. Il-Prim Ministru semma kif ma jridx li din ir-riġenerazzjoni titlaq minn aspett soċjali negattiv.

“L-ewwel ħaġa meta wieħed jitkellem dwar riġenerazjoni soċjali ma nixtieqx li nitilqu bl-idea għaliex il-Kottonera hawn il-problemi. Jien naħseb li fil-Kottonera hawn problema daqskemm hawn f’postijiet oħra fil-pajjiż. Jista’ jkunu naqra aktar jew naqra inqas, jiġifieri li żgur dik hija l-istarting point tiegħi”, sostna l-Prim Ministru.

Il-Kordinatur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Kottonera u d-deputat Laburista Glenn Beddingfield spjega li din ir-riġenereazzjoni hija mnebbħa minn-nies tal-Kottonera stess. Huwa stqarr: “Aħna qed inħarsu lejn ir-riġenerazzjoni tan-nies aktar milli riġenerazzjoni tal-ġebel.”

Tkellem dwar l-ewwel proġett li se sir is-sena d-dieħla li jolqot 12% tal-popolazzjoni fil-Kottonera.

L-Onor. Beddingfield tenna: “Wieħed mill-ewwel proġetti li se nkunu qegħdin iniedu s-sena d-dieħla se jkun proġett bejn il-Fondazzjoni Kottonera u l-Knisja biex ngħinu familji illi għadejjin minn perjodu ta’ faqar materjal, però mhux ħa nagħtuhom il-flus. Se nkunu qed ngħinuhom biex jipproritizzaw aħjar ħalli joħorġu mill-faqar u jgawdu wkoll mill-ġid u jkunu jistgħu jieħdu l-opportunitajiet illi qed toffri Malta llum.”

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici fejn semma diversi proġetti ta’ restawr li diġà qed isiru fil-Kottonera b’investiment fil-kultura u l-patrimonju. Huwa ħabbar li s-sena d-dieħla se jibda r-restawr fuq il-Cottonera Lines li nbnew 350 sena ilu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend