Fis-sentejn li ġejjin, Malta bl-aqwa tkabbir ekonomiku fl-UE – One News

Notifiki

Fis-sentejn li ġejjin, Malta bl-aqwa tkabbir ekonomiku fl-UE


Fis-sentejn li ġejjin l-ekonomija Maltija se tirreġistra l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost l-ekonomiji kollha Ewropej. Qalet dan il-Kummissjoni Ewropea fit-tbassir tagħha għall-ħarifa.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li s-sena d-dieħla, il-ġid nazzjonali ta’ Malta mistenni jikber b’4.2%. Din ir-rata hija tliet darbiet ogħla mir-rata medja Ewropea, u 10 darbiet ikbar mir-rata li biha se tikber l-Italja.

Il-Kummissjoni qed tbassar ukoll li Malta ser tibqa’ l-pajjiż bit-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro, 0.1% biss aktar mill-Ġermanja.

Dwar ir-rata tal-inflazzjoni f’Malta, l-ekonomisti Ewropej qed ibassru li din ser tibqa’ baxxa meta mqabbla mal-medja storika ta’ pajjiżna.

Fl-istess ħin, pajjiżna se jkollu t-tielet l-ogħla surplus.

Fir-rapport tagħhom dwar Malta, l-esperti Ewropej jgħidu li, “Malta’s economic performance continues to be strong, driven by domestic demand”. Iż-żieda fid-domanda domestika ġejja l-iktar minn “strong investment growth”, speċjalment minħabba proġetti kbar fl-avjazzjoni, is-saħħa u t-turiżmu.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, “the fast pace of economic growth in Malta has been coupled with strong employment growth and record-low unemployment rate”. 

Filwaqt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi madwar pajjiżna mistennija jmorru għall-agħar, il-Kummisjoni qalet li f’Malta, “economic activity remains vibrant”.

Dan ifisser li minkejja li l-Gvern ser jżid ħafna l-investiment, fosthom miżuri favur l-anzjani, familji u persuni b’diżabilità, is-surplus se jibqa’ stabbli.

Fis-sentejn li ġejjin iż-żieda fl-ispiża rikorrenti mistennija tkun id-doppju tal-medja Ewropea, filwaqt li l-investiment pubbliku mistenni jkun darba u nofs ir-rata medja fiż-żona ewro.

Minkejja dan, il-Kummissjoni qed tbassar li sal-2021, il-piż tad-dejn  jonqos taħt id-39% tal-ġid nazzjonali.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li huwa kommess li jkompli jinvesti fl-ikbar programm ta’ spiża kapitali fl-istorja ta’ pajjiżna biex l-infrastruttura tissaħħaħ u tkun lesta għall-ġejjieni.

Fl-istess ħin, qal li ser ikompli jaħdem biex it-tkabbir rekord li kiseb pajjiżna fis-snin li għaddew ikompli wkoll fis-snin li ġejjin biex il-ġid ikompli jinfirex fost il-familji kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend