Raġel ta’ 28 sena minn Ħaż-Żebbuġ mistenni jitressaq il-qorti fis-sigħat li ġejjin wara li l-Pulizija rnexxielha tidentifika u tinvestiga impjegat li jaħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei li allegatament poġġa kamera f’wieħed mit-toilets tan-nisa tal-istaff li jinsab fl-istess dipartiment fejn jaħdem.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kkonfermaw li l-arrest seħħ it-Tlieta li għadda wara jiem ta’ investigazzjonjiet mill-Pulizija.
Il-camera nstabet moħbija waqt li kienet qiegħed jitnaddaf it-toilet.
Sorsi qalu lil ONE News li kien cleaner li kien qed inaddaf it-toilets tal-istaff li sab il-kamera mwaħħla.
Allegatament, il-kamera kienet imqabbda ma’ kontenitur għall-affarijiet sanitarji tan-nisa, li huwa aktar baxx mill-kontenitur normali, biex tkun ċentrali u jkollu r-ritratti li ried jikseb.
Is-sorsi qalulna li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija bdew mill-ewwel meta saru jafu bil-każ, sakemm jumejn ilu l-allegat akkużat kien xogħol bil-lejl u ġie arrestat fid-Dipartiment tal-Emerġenza stess.
Tant li s-sorsi qalulna li l-Pulizija wettqu tfittxijiet fil-locker tar-raġel, u wara t-tfittxija, ħareġ immanettjat mid-Dipartiment fejn kien xogħol.
Il-camera ġiet elevata mill-Pulizija dakinhar stess li nstabet u bdiet b’ħidma intensiva biex tasal għall-persuna li poġġietha fit-toilet biex tkun tista’ tara lin-nisa li jidħlu fil-latrina waqt li jaqdu l-bżonnijiet tagħhom.
Dakinhar il-Pulizija elevaw ukoll il-cameras tas-sigurtà li hemm fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Intant fl-aħħar sigħat, il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza Michael Spiteri flimkien maċ-Charge Nurse Maria Schembri kitbu lill-ħaddiema tal-Emerġenza u qalulhom li wieħed mill-kollegi tagħhom fid-Dipartiment qieghed jiġi investiga dwear il-kamera li nstabet fit-toilet tan-nisa.
Huma appellawlhom ukoll biex iżommu l-prudenza dwar dan il-każ.
Qalu li l-Pulizija qed jaġixxu fuq suspetti fondati. Sostnew li l-jiem li ġejjin se jgħaddu minn mumenti diffiċli li se jeżaminaw saħħithom.