Tħabbar investiment ta’ aktar minn mija u għoxrin elf ewro f’tagħmir u taħriġ speċjalizzat għal każijiet ta’ tixrid ta’ żejt fl-ibħra Maltin. L-investiment f’xiri ta’ plastik li jissejjaħ inflatable booms għandu l-għan li jma jħallix iż-żejt milli jkompli jinfirex fil-baħar.
Ta’ kull sena fil-portijiet Maltin ikun hemm tnax-il elf moviment u żewġ miljun tunnellata ta’ fuel. Is-settur marittimu joħloq tlieta u għoxrin elf impjieg u jikkontribwixxi għal tnax-fil mija tal-ekonomija Maltija.
Għaldaqstant f’każijiet remoti ta’ tixrid ta’ żejt fl-ibħra Maltin, dawn il-booms jintefħu u jibdew jintużaw f’anqas minn kwarta f’sitwazzjoni ta’ tniġġiz biż-żejt. Il-booms li huma magħmula minn materjal apposta huma għoljin erbgħin ċentimetru ’l fuq mill-ilma u b’hekk iżommu ż-żejt milli jkompli jinfirex. L-investiment qed isir mill-koperattiva tal-piloti marittimi, li investew ukoll għoxrin elf ewro f’taħriġ għal ħaddiema sabiex jużaw dan l-apparat.
Iċ-chief pilot tal-koperattiva Jesmond Mifsud tkellem dwar l-importanza ta’ dan l-investiment. Il-Ministru għat-Trasport u l-infrastruttura Ian Borg faħħar dan l-investiment mis-settur privat. Qal li f’Jannar li ġej l-industrija marittima trid issegwi regolamenti ġodda b’inqas kubrit u jużaw fuels li jniġġsu anqas.
Intant, mistoqsi mill-ġurnalisti dwar ir-reviżjoni tal-politika tal-awtorità tal-ippjanar dwar żvilupp f’żoni barra mil-limitu tal-iżvilupp, il-Ministru Ian Borg ħabbar li d-Dekan tal-Fakultà tal-liġi Ivan Mifsud ingħata l-inkarigu li jħejji din ir-reviżjoni.