’Il fuq minn 400 pazjent qed jieħdu mediċina tal-kannabis f’pajjiżna – One News

Notifiki

’Il fuq minn 400 pazjent qed jieħdu mediċina tal-kannabis f’pajjiżna

Fil-preżent f’pajjiżna hawn madwar  400 pazjent li qed jibbenefikaw mill-mediċina tal-kannabis. Dan hu pass ’il quddiem f’dan is-settur wara li kienet emendata l-liġi mill-Parlament Malti fl-2018.

Dan qalu l-Aġent Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed jitkellem f’Medical Cannabis World.

Qal ukoll li dan il-qasam qed jiffaċċja tliet sfidi prinċipali u li rridu naħdmu id f’id biex dawn l-isfidi jingħelbu għall-ġid tal-pazjenti u tal-industrija stess.

“L-ewwel sfida hi li rridu nedukaw lill-pazjenti fuq l-użu tagħha. Is-sigurezza tal-pazjenti għandha tibqa’ dejjem l-ewwel post f’dak kollu li nagħmlu. Għandna bżonn nedukaw lill-pazjenti fuq l-użu tal-kannabis mediċinali,” qal l-Aġent Prim Ministru.

It-tieni sfida hi li jkollna riċerka u evidenza klinika fuq il-kannabis mediċinali. “Illum f’pajjiżna għandna 32 tabib li kiteb din it-tip ta’ mediċina lil xi pazjenti tiegħu. Iżda dan għadu numru żgħir ikkumparat man-numru ta’ tobba f’pajjiżna. Għandna bżonn aktar riċerka u evidenza biex b’hekk aktar professjonisti mediċi jkollhom fiduċja f’din il-mediċina,” qal l-Aġent Prim Ministru Chris Fearne.

L-aħħar sfida li semma hi l-ġlieda kontra l-prodotti foloz f’dan il-qasam. Qal li dawn il-prodotti qed jagħtu dell ikrah lil din l-industrija u għaldaqstant għandna nimxu mar-regoli tal-Awtorità tal-Mediċina biex nassiguraw is-sigurezza tal-prodott.

“F’dan is-settur irridu nkunu sostenibbli, għaldaqstant hemm bżonn li naħdmu flimkien biex noħolqu r-riżultati mixtieqa,” qal l-Aġent Prim Ministru Chris Fearne.

Ritratti (ODPM-MFH)

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend