Delia jgħid lill-Għawdxin li għad irid jieħu deċiżjoni dwar il-mina – One News

Notifiki

Delia jgħid lill-Għawdxin li għad irid jieħu deċiżjoni dwar il-mina

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tenna li għad irid jieħu deċiżjoni aħħarija dwar il-proġett tal-mina fil-fliegu bejn Malta u Għawdex.

Delia għamel din id-dikjarazzjoni f’seduta speċjali li matula l-komunità kummerċjali Għawdxija ħeġġet lill-Kamra tar-Rappreżentanti biex bla dewmien jibda l-proġett tal-mina.

Madankollu, Delia li f’April li għadda vvota favur dan il-proġett, qal lill-Għawdxin li għad irid jiddeċiedi jekk dan il-proġett għandux isir jew le.

L-intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni stona bil-kbir ma’ kull diskors li sar f’din is-seduta. Beda biex qal li ma riedx ikun partiġġjan. Iżda lanqas laħqu għaddew żewġ minuti li b’leħen għoli nfexx f’dagħdigħa ta’ negattività jattakka lill-Gvern inkluż proġetti li qed isiru f’Għawdex fil-qasam tas-saħħa.

B’referenza għall-proġett tal-iskola medika ta’ Barts, l-uniku kampus mediku fid-dinja ta’ din l-istituzzjoni barra mir-Renju Unit u li qed jitqies bħala l-aqwa wieħed fl-ewropa, Delia qal li ried ifaħħar dan il-proġett.

Delia qal: “Jien infaħħar l-efforts li għandhom x’jaqsmu mal-medical school.  Dik m’għandhix x’taqsam fil-formula ta’ żvilupp li huwa tajjeb.”

Iżda l-anqas laħqet għaddiet minuta li fl-istess nifs qal lill-Għawdxin li Steward Healthcare ma wettqet assolutament xejn. Delia sostna: “Imma f’dak l-investiment li kellu jsir u li assolutament ma sarx.”

B’reazzjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne qal li l-investiment f’Barts sar kollu kemm hu minn Steward Health care b’nefqa privata ta’ €36 miljun.

Dr Fearne sostna: “Jiġifieri meta inti tgħid li Barts ma għandhiex taqsam ma’ Steward Healthcare ħażin. Dak l-investiment 36 miljun ġie minn Steward Healthcare.”

Huwa sostna li dan l-investiment multi-miljunarju mhux biss se jagħti imbutattura lill-ekonomija Għawdxija, iżda se jservi ta’ pont bejn tobba li joħorġu minn din l-istituzzjoni f’Għawdex u d-dinja medika.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li ħabbret li fil-jiem li ġejjin se tiftaħ klinika għad-dentistrija. Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li jekk jinħass il-bżonn għandu jinġieb il-ħames vapur tal-Gozo Channel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend