Malta bit-tmien l-inqas diżlivell fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa – One News

Notifiki

Malta bit-tmien l-inqas diżlivell fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pagi indaqs juri li fl-elfejn u sbatax, Malta kellha t-tmien l-inqas differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa fost tmienja u għoxrin pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport li ġie ppubblikat fil-Jum Ewropew għall-pagi indaqs juri li l-medja Ewropea għadha turi differenza kbira fil-pagi bejn dak li jaqilgħu n-nisa u l-irġiel f’sena sħiħa.

Skont l-uffiċċju Ewropew, fl-2017, in-nisa Ewropew qalgħu bħala medja sittax fil-mija inqas minn kemm daħlu l-irġiel Ewropew.

Ir-rata f’Malta kienet ta’ tnax punt tnejn fil-mija, jiġifieri tlieta punt tmienja fil-mija inqas mill-medja Ewropea.

L-istudju Ewropew juri li ħafna ħaddiema f’Malta huma koperti bil-ftehim kollettiv li ma jippermettux differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Jidher ukoll li d-differenza fil-paga f’Malta hija riżultat tal-fatt li ħafna nisa għadhom m’humiex jokkupaw karigi għolija.

Paga ndaqs għall-istess xogħol huwa prinċipju fundamentli tal-Unjoni Ewropea. Madankollu d-differenza fil-pagi bejn is-sessi tvarja minn 3.5 fil-mija fir-Rumanija għal 25.6 fil-mija fl-Estonja.

Ir-rapport jinnota wkoll il-ħidma li qiegħda ssir f’Malta biex tonqos id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u nisa.

Fost oħrajn isemmi l-inizjattiva tal-marka tal-ugwaljanza li ħadet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.

Marka li tiddistingwi kumpanija minn oħra għat-tħaris tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol.

Ir-rapport iqies din l-inizjattiva bħala miżura tajba biex tonqos id-diskrepanzi fil-paga f’Malta. Qal li bosta kumpaniji qegħdin jaħdmu biex jingħataw din iċ-ċertifikazzjoni li jiddistingwihom għall-kunċett tal-ugwaljanza.

Ir-rapport jgħid li l-fatt li l-paga indaqs hija fattur importanti għaċ-ċertifikazzjoni, dan jassigura wkoll li hemm trasparenza fis-salariji li jingħataw il-ħaddiema.

Intant fi tweet, il-Kummissarju Ewropew eletta għall-Ugwaljanza Helena Dalli tenniet l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tipproponi leġislazzjoni u politika ġdida biex tassigura li n-nisa u l-irġiel jitħallsu indaqs.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend