L-Arċisqof Charles J.Scicluna qal li jifhem sew u japprezza s-sitwazzjoni tal-komunità Marsija li fl-aħħar snin inbidlet u tħalltet b’tant kulturi, iżda appella biex jiftħu jdejhom għall-intergrazzjoni.
Mons. Arċisqof għamel din id-dikjarazzjoni l-Ħadd filgħaxija waqt iċ-ċerimonja tal-pussess ta’ Patri Dumink Mangani bħala Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa.
Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Scicluna, tkellem dwar l-Evanġelju tal-Ħadd u fakkar li n-nies ma ħadux gost meta Ġesu sejjaħ u laqa’ fi ħdanu lil Żakkew, bniedem li kellu pożizzjoni prestiġjuża imma kien ukoll mibgħud minħabba li kien jiġbor it-taxxa għar-Rumani.
F’dan l-isfond il-komunità Marsija appellat lill-parruċċani biex ma jippreġudikawx kif għamlu n-nies fil-konfront ta’ Żakkarija wara li nidem b’mod sinċier.
“Ma nippreġudikawx speċjalment fil-Parroċċa tagħna fejn inbidlet u tħalltet b’tant kulturi. Mhix faċli li taċċetta ċerti sitwazzjonijiet u l-Arċisqof qalilna li jifhem sew u japprezza din is-sitwazzjoni imma m’għandniex nippreġudikaw. U nitolbu għalihom u għal kulħadd”.
Fil-fatt fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna tenna li l-komunità għandha tiġri wara l-awtoritajiet biex ikollha s-sigurtà u paċi iżda saħaq li għandha tiftaħ ukoll idejha u tilqa’ lil dawn in-nies biex jintegraw magħhom.