Avtandil Rusia, il-Ġorġjan li s-Sibt li għadda tressaq il-qorti mixli b’diversi serqiet minn djar, bela’ ċurkett li seraq minn waħda mir-residenzi fil-mira tiegħu. Iċ-ċurkett għandu valur ta’ madwar €15,000.
ONE News jinsab infurmat li meta s-Sibt li għadda, l-akkużat kien dieħel fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin, l-għajnejn għassiessa tal-uffiċjali korrettivi innotaw iċ-ċurkett fl-istonku tal-akkużat. Dan wara li għaddew mill-body scanners li ġew installati dan l-aħħar fl-entratura tal-faċilità.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qalulna li minnufih l-amministrazzjoni tal-ħabs ordnat li l-akkużat jinżamm taħt l-osservazzjoni kontinwa tal-gwardjani. Dan sakemm jagħmel il-bżonnijiet tiegħu. Fil-fatt kien dalgħodu li ċ-ċurkett misruq ġie elevat mill-uffiċjali korrettivi wara li l-akkużat ipporgah fit-toilet li għandu fiċ-ċella tiegħu.
One.com.mt jinsab informat li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi għaddiet iċ-ċurkett lill-pulizija sabiex ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom.
Sabiex grazzi għall-investiment li sar fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin, fosthom f’body scanners, il-pulizija rnexxilha ssib oġġett ieħor li l-invesitgaturi mistennija jippreżentaw fil-qorti bħala evidenza fil-każ kontra l-akkużat.
Rusia qed jiġi akkużat li seraq minn sitt residenzi privati fir-Rabat, f’Ħ’Attard, fis-Swieqi, f’San Ġwann, f’Ħaż-Żebbug u f’Ħal Qormi. Serqiet li allegatament wettaq bejn is-17 u d-19 u 20 ta’ Ottubru li għadda.
Il-Ġorġjan qed ġie akkużat ukoll li seraq mal-€20,000 fi flus kontanti u oġġetti, li jvarjaw minn ġojjellerija, fwieħa u fliexken tal-whiskey.
Il-Pulizija mhix teskludi li l-akkużat huwa mdaħħal f’ċirku ta’ kriminalità organizzata.