Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, reġa’ kiseb il-fiduċja tal-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin fi stħarriġ tal-Maltatoday.
B’50.5% jgħidu li jafdaw lill-Prim Ministru, Joseph Muscat igawdi fiduċja li hi iktar mid-doppju tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, li hu fdat minn 21.3% biss tal-Maltin. Dan hu l-istess riżultat li ż-żewġ mexxejja kisbu qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li għadda meta l-Partit Laburista kien għamel rebħa storika.
L-istħarriġ juri li Joseph Muscat igawdi iktar fiduċja fost l-etajiet kollha u fir-reġjuni kollha. Jispikka l-fatt li Joseph Muscat baqa’ jgawdi appoġġ sostanzjali fil-gżira Għawdxija fejn hu fdat minn 64.4% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ kontra l-11.2% ta’ Adrian Delia li qed isofri wkoll mill-fatt li ħafna li vvotaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni baqgħu ma jafdawhx. Għalkemm f’dan l-istħarriġ Delia żied erba’ punti perċentwali.
L-istess stħarriġ juri li kieku ssir elezzjoni għada l-Partit Laburista baqa’ jgawdi vantaġġ komdu ħafna fuq il-Partit Nazzjonalista.